
Illum intlagħbet l-aħħar ġurnata tal-Premier League Ingliż għal dan l-istaġun.
Iċ-champions Liverpool rebħu barra minn darhom kontra Newcastle bi skor ta’ 3-1 biex temmew kampjonat b’mod eċċellenti.
Newcastle fil-vantaġġ b’gowl ta’ Gayle wara minuta. Ir-Reds iġibu d-draw b’gowl ta’ Van Dijk fit-38 minuta. Divock Origi jitfa’ lil Liverpool fil-vantaġġ fid-59 minuta u Sadio Mane jagħlaq il-partita minuta mit-tmiem.
Manchester United fil-UEFA Champions League għas-sena d-dieħla wara li għelbu lil Leicester City barra minn darhom bi skor ta’ 2-0. Bruno Fernandes fetaħ l-iskor minn penalty fil-71 minuta u Jesse Lingard irdoppja fil-ħin miżjud.
Xalata ta’ gowls oħra minn Manchester City li f’darhom għelbu lil Norwich City bi skor ta’ 5-0. Il-gowls jaslu minn Gabriel Jesus, Kevin De Bruyne, Raheem Sterling Riyad Mahrez u gowl ieħor ta’ De Bruyne.
Chelsea jirbħu f’darhom bi skor ta’ 2-0 kontra Wolves u jikkwalifikaw ukoll għall-UEFA Champions League. Il-gowls jaslu fl-ewwel taqsima minn Mount u Giroud.
Crystal Palace u Tottenham temmew il-konfront bi skor ta’ 1-1. Harry Kane fetaħ l-iskor fit-13-il minuta u Jeffrey Schlupp ġab id-draw fit-53 minuta.
Watford relegati wara telfa oħra fl-Emirates Stadium kontra Arsenal bi skor ta’ 3-2. Il-Gunners tliet gowls minn fuq sat-33 minuta skurjati minn Aubameyang, Tiernay u jerġa’ Aubameyang. Għal Watford jiskurjaw Troy Deeney u Danny Wellbeck.
Bournemouth isir it-tielet tim relagat anki jekk rebħu barra minn darhom għand Everton bi skor ta’ 3-1.
F’aktar partiti, Brighton għelbu barra minn darhom lil Burnley bi skor ta’ 2-1; Southampton f’darhom għelbu lil Sheffield United bi skor ta’ 3-1 u draw ta’ 1-1 bejn West Ham u Aston Villa, b’dawn tal-aħħar li salvaw posthom fil-Premier League Ingliż.