Sport Lokali
Lorraine Cunningham maħtura Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

Nhar it-Tlieta filgħaxija waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport inkitbet paġna ġdida fl-istorja ta’ din l-Assoċjazzjoni meta nħatret l-ewwel mara Segretarju Ġenerali fl-istorja tal-GħĠS. Lorraine Cunningham kisbet l-appoġġ ta’ dawk kollha preżenti wara li kienet l-unika waħda li tefgħat in-nomina tagħha għal din il-kariga li sfat vakanti hekk kif irriżenja Mark Mizzi minħabba raġunijiet ta’ impenji personali.

Lorraine Cunningham ilha membru tal-Għaqda Ġurnalisti Sport għal bosta snin u kienet eletta għall-ewwel darba bħala membru tal-Eżekuttiv waqt il-laqgħa ġenerali tas-sena l-oħra meta diġa’ kienet għamlet xi xhur isservi fuq l-istess kumitat bħala membru co-opted.

Il-karriera ġurnalistika sportiva ta’ Cunningham tmur lura aktar minn 26 sena meta instemgħat l-ewwel darba fuq Super 1 Radio nhar it-30 ta’ Novembru 1991 f’kollegament dirett mill-korsa taż-żwiemel il-Marsa. Din kienet ġurnata storika oħra għax sa dakinhar kienu biss irġiel il-kummentaturi sportivi.

Minn dakinhar Lorraine Cunningham saret sinonima mat-tiġrijiet taż-żwiemel fejn mir-radju imxiet għat-televiżjoni u fuq Super 1 TV għal bosta snin kienet tipproduċi u tippreżenta Sal-Ġister flimkien mar-raġel tagħha Tommy. Dan il-programm offra diversi opportunitajiet fejn saru kemm il-darba interventi diretti fuq ir-Radju mill-korsa ta’ Vincennes Pariġi u ttellaw diversi produzzjonijiet minn Franza, l-Isvezja u saħħansitra Dubai.

Internazzjonalment kienet mistiedna fuq il-programm Vinnare li jixxandar fuq l-istazzjon Svediż TV4 filwaqt li kienet tikkontribwixxi regolarment fuq il-gażżetta Paris Turf li toħroġ kuljum fi Franza u r-Rivista Svediża Trav Ronden li tkun ippublikata darbtejn fil-ġimgħa.

Fil-ġurnaliżmu stampat kienet ukoll l-ewwel mara li lokalment kitbet diversi artikli fuq l-Oriżżont, it-Torċa u l-Kulħadd apparti li kkontribwixxiet fuq diversi rivisti sportivi li ġew ippublikati matul is-snin f’Malta.

Kellha wkoll sehem fil-ġurnaliżmu elettroniku meta sa mill-ewwel ħarġa kienet kontributur regolari fuq Maltastar.com.

Illum il-ġurnata tagħmel rapporti ta’ kull ġimgħa dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel għal One Sport filwaqt li fil-Korsa tal-Marsa bħala uffiċjal inkarigat mill-media tagħmel intervisti qosra lis-sewwieqa rebbieħa.

Lorraine Cunningham għandha esperjenza kemm fil-ġurnaliżmu miktub kif ukoll dak imxandar fuq radju u televiżjoni u għalhekk nemmnu li tista tagħti kontribut siewi f’din il-kariga ġdida.

Matul il-laqgħa ġenerali annwali l-membri preżenti approvaw ir-rapporti amministrattivi u finanzjarji tal-Għaqda Ġurnalisti Sport filwaqt li approvaw ukoll emenda għall-istatut imressqa mill-President Sandro Micallef sabiex il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv jitilgħu għall-10. Sandro Micallef indika ukoll li l-Kumitat kien ser jibda diskussjonijiet bil-ħsieb li jospita l-Assembleja Ġenerali tal-AIPS Europe fis-sena 2020.

 

Miktub minn...
TVMSports
Aħbarijiet Oħra
Sport Lokali, Waterpolo

Waterpolo Il-klabb tal-Ewwel Diviżjoni Marsascala inawguraw il-clubhouse il-ġdid tagħhom. Waqt avveniment b’rabta ma dan il-ftuħ is-Sindku tal-lokalita Mario Calleja semma l-importanza tal-klabb tal-Waterpolo għal din il-lokalita. Il-President Aaron Simpson qal…

Bowling

Bowling – Il-BOV Kampjonati Nazzjonali tal-Bowling intlagħbu fl-Eden Superbowl, bi 28 parteċipant jikkompetu għall-aktar titlu prestiġjuż fil-bowling lokali. Mauro Anastasi, 32, iddefenda t-titlu tiegħu, li rebaħ ukoll fl-2017, b’ċertu stil…

Sparar

DIRETT: Tazza tad-Dinja tal-Isparar ISSF 2018 Tkompli t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar f'Malta Jidħlu fl-azzjoni William Chetcuti, Brian Galea, Mario Buhagiar, Żaren Attard u Gianluca Chetcuti fit-Trap Geplaatst door Television Malta op…

Aktar