Louis Borg itemm 30 sena fit-tmexxija tal-MHA, Paul Zammit konfermat bħala President ġdid

Kif żvela TVM Sport iktar kmieni din il-ġimgħa Paul Zammit l-eks President tal-Club tal-Football ta’ Melita nħatar President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball. Dan kien konfermat fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MHA li saret jumejn ilu. Ian Psaila inħatar bħala Viċi President. Iż-żewġ uffiċjali Zammit u Psaila fl-ewwel kummenti tagħhom lill-membri waqt il-Laqgħa Ġenerali rringrazzjaw lill-Clubs tal-fiduċja u rringrazzjaw fuq kollox lill-Louis Borg li okkupa l-kariga tal-President tal-MHA għal dawn l-aħħar 30 sena. Fost l-ewwel impenji tal-amministrazzjoni l-ġdida se jkun hemm l-isforz sabiex gradwalment jiżdiedu t-teams li jikkompetu fil-kampjonat Nazzjonali. Bħalissa l-MHA għandha biss seba’ Clubs affiljati magħha.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.