Futbol internazzjonali
Louis van Gaal maħtur kowċ tal-Olanda għat-tielet darba

L-Assoċjazzjoni Olandiża tal-Futbol ħabbret uffiċjalment li Louis van Gaal reġa’ nħatar kowċ tat-tim nazzjonali Olandiż. L-Assoċjazzjoni kkonfermat li van Gaal iffirma kuntratt li għandu jwassal lill-Olanda sal-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla li ser issir fil-Qatar.

B’hekk Louis van Gaal inħatar għat-tielet darba sabiex imexxi lit-tim nazzjonali Olandiż. Din it-tielet ħatra waslet ftit tal-jiem qabel ma’ l-ex manager ta’ Manchester United u Ajax jagħlaq 70 sena.

Louis van Gaal qed jieħu post Frank de Boer li ħalla postu wara li l-Olanda tilfet mar-Repubblika Ċeka fir-Round tas-16 tal-Kampjonati Ewropej 2020.

Kif kien mistenni, van Gaal ser ikollu jassistuh lill-ex kowċ tat-tim nazzjonali Olandiż Danny Blind, u lil Henk Fraser ta’ Sparta Rotterdam. Barra dawn, Frans Hoek ser ikun il-kowċ tal-goalkeepers.

Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-midja, van Gaal qal li ma tantx għandu ċans jipprepara lit-tim meta jmisshom tliet impenji f’Settembru li ġej, fi spazju ta’ sebat ijiem. L-Olanda tilgħab fin-Norveġja fl-1 tax-xahar, imbagħad tilqa’ lill-Montenegro fl-4 ta’ Settembru u lit-Turkija fis-seba’ jum tal-istess xahar.

Louis van Gaal kien appuntat kowċ tal-Olanda għall-ewwel darba f’Settembru 2000, imma rriżenja mill-kariga ftit aktar minn sena wara, meta ma rnexxilhomx jgħaddu għat-Tazza tad-Dinja 2022. Imbagħad reġa’ kien appuntat f’Awwissu 2012 u wassal lit-tim nazzjonali sat-tielet post fit-Tazza tad-Dinja li saret il-Brażil fl-2014.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA