Futbol internazzjonali
Louis van Gaal mistenni jinħatar kowċ tal-Olanda għat-tielet darba

Louis van Gaal mistenni jinħatar kowċ tal-Olanda għat-tielet darba fil-karriera tiegħu. Minn informazzjoni li ħierġa mill-midja Olandiża jidher li fl-aħħar jiem kien hemm laqgħat bejn rappreżentanti ta’ van Gaal u l-Federazzjoni tal-Futbol Olandiża.

van Gaal għandu 69 sena u ser jieħu lit-tim f’idejh mingħand Frank de Boer li telaq mill-kariga wara li l-Olanda kienet megħluba mir-Repubblika Ċeka fir-Round tas-16 tal-EURO 2020. Jidher li van Gaal diġà għandu lit-tim tekniku lest, għax jekk kemm-il darba jidħol fil-kariga, ser jgħajjat lil Danny Blind u Henk Fraser bħala assistenti, filwaqt li Frans Hoek ser ikun il-kowċ tal-goalkeepers.

Dan iċ-ċaqliq deher fiċ-ċar meta l-Ħamis, il-kowċ tal-goalkeepers sa mill-2018 Patrick Lodewijks, tkellem f’intervista ma’ ġurnal u wera d-diżappunt tiegħu li mhux ser jibqa’ jmexxi lill-goalkeepers Olandiżi. Min-naħa l-oħra, Sparta Rotterdam ikkonfermaw li kien hemm kuntat ma’ Henk Fraser sabiex ikun assistent ta’ van Gaal.

Louis van Gaal inħatar kowċ tal-Olanda għall-ewwel darba f’Settembru 2000, imma fi ftit aktar minn sena rriżenja wara li t-tim naqas milli jikkwalifika għall-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022.

F’Awwissu 2012 irritorna u wassal lit-tim Olandiż sat-tielet post fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2014 li saret il-Brażil. Minn dakinhar sal-lum, it-tim nazzjonali Olandiż għadda minn taqliba sħiħa u donnu mhux ikun hemm kowċ partikolari li jsaddad. Fil-fatt, f’seba’ snin inbidlu seba’ coaches, Guus Hiddink, Danny Blind, Fred Grim (acting), Dick Advocaat, Ronald Koeman, Dwight Lodeweges (acting) u Frank de Boer.

Għal van Gaal ix-xogħol irid jibda mal-ewwel għaliex l-Olanda għandha tliet logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 f’Settembru li ġej. L-ewwel it-tim Olandiż jaffaċċja lin-Norveġiżi fl-1 ta’ Settembru, imbagħad jilagħbu kontra l-Montenegro tlett ijiem wara, filwaqt li fis-7 ta’ Settembru jiltaqgħu mat-Torok.

S’issa l-Olanda lagħbet tliet logħbiet fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni fejn ħadet sitt punti minn possibilment disgħa. It-telfa kontra t-Turkija 4-2 kienet pjuttost xokkanti, imma mbagħad ħadu rebħiet kontra l-Latvja u Ġibiltà.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA