Futsal
Luxol St Andrews fil-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League

Luxol St Andrews Futsal għaddew għall-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League wara li llejla għelbu lil Proekt tal-Maċedonja 5-0 fil-Maċedonja stess biex għamluhom tliet rebħiet minn tlieta u rebħu l-grupp tagħhom fir-Round Preliminari.

Ma’ Luxol u Proekt fi Grupp A kien hemm ukoll Cefn Druids ta’ Wales u l-Iżraeljani ta’ Dolphins Ashdod li magħhom iċ-champions Maltin rebħu 5-0 u 8-0 rispettivament biex baqgħu ma qalgħu l-ebda goal.

Luxol b’hekk huma wieħed minn disa’ timijiet li kkwalifikaw mir-Round Preliminari għall-fażi li jmiss. Fil-Main Round jissieħbu  mat-23 top seed fosthom il-holders Sporting CP. Huma jsiru jafu l-avversarji tagħhom fil-polza ta’ nhar it-Tnejn li ġej.

L-eroj ta’ Luxol fil-partita tal-lejla kontra Proekt kien Hebberth Bolt bi 3 goals. Skorja wkoll Maikinho, bil-goal l-ieħor jiġi minn autogoal ta’ Gligorov.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.