Ma’ TVM Sport AbdelKarim Nafti jispjega għalfejn għażel lil Balzan minflok Sliema W

RAPPORT – Rodney Vassallo

Il-midfielder AbdelKarim Nafti tkellem ma’ TVM Sport dwar is-saga u x’wassal biex minkejja li kien kważi lest ma’ Sliema Wanderers, huwa ffirma ma’ Balzan.

L-ex player ta’ Valletta li kien strumentali fir-rebħ tat-23 kampjonat mill-klabb Belti l-istaġun li għadda, qalilna li kien ilu xahrejn u nofs eżattament mis-sebgħa ta’ Ġunju li għadda f’kuntatt dirett mal-Wanderers u jistenna l-biljett tal-ajru biex jiġi lura Malta.

Fost ħafna telefonati u SMS’s, Nafti qalilna li Sliema kienu kontinwament jagħmlu kuntatt miegħu biex fost l-oħrajn, skont hu jnaqrulu mill-kundizzjonijiet miftehma oriġinarjament, fosthom anke dwar tnaqqis fil-paga miftehma fl-ewwel kuntatt li kien hemm bejn iż-żewġ naħat.

Il-player kompla jgħid li baqa tolleranti ma’ Sliema Wanderers sakemm finalment nhar il-ġimgħa ddeċieda mod ieħor, l-ewwel meta fl-istess jum wasal l-ajruport u ma’ sab lil ħadd jistenniħ, biex ftit wara sar jaf li mhux se jkollu akkomodazzjoni diċenti u Sliema Wanderers tawħ biss kamra fil-kumpless tagħhom f’Tigne Point li skont hu kellu jaqsamha ma’ tlieta persuni oħra.

Din id-deċiżjoni huwa ħadha b’offiża kbira u kien għalhekk li proprju fil-weekend laħaq ftehim ma’ Balzan u t-Tnejn niżel għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ taħt il-gwida tal-kowċ il-ġdid tiegħu Oliver Spiteri.

Sadanittant Sliema Wanderers fi stqarrija uffiċjali rribattew l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom min-naħa ta’ AbdelKarim Nafti, huma qalu li sa llum il-ġurnata ghadhom qed jistennew lil Karim Nafti jirrimborza l-flus tal-passaġġ tiegħu lejn Malta li l-istess club ħallaslu.

Sliema Wanderers qalu li l-player kellu jiltaqa formalment mal-President tal-Club is-Sibt filgħodu, għal-liema laqgħa ma tfaċċax għaliex kien qiegħed jitlob iktar flus lil Ħal Balzan.

Mill-ġdid il-club itenni li ma’ Sliema Wanderers mhemmx post għal merċinarji u wisq inqas għal min iħares lejn il-football Malti bħala vaganza jew post t’irtirar, temmet tgħid l-istqarrija uffiċjali ta’ Sliema Wanderers.

Miktub minn...
Rodney Vassallo