Olimpijadi TOKYO 2020
Madwar 80% tal-atleti li ser jieħdu sehem fl-Olimpjadi diġà ġew imlaqqma kontra l-Covid-19

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li madwar 80% tal-atleti li ser jieħdu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo diġà tlaqqmu kontra l-Covid-19. Ftit aktar minn xahar qabel jibda l-Logħob Olimpiku, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qed ikompli jħeġġeġ lill-pajjiżi sabiex ilaqqmu lill-atleti tagħhom qabel dawn jivvjaġġaw lejn il-Ġappun.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Logħob Olimpiku qal li filwaqt li fil-jiem li għaddew issemmiet iċ-ċifra ta’ 74% tal-atleti mlaqqma, din żdiedet għal kważi 80% fi ftit jiem, u allura jidher ċar li kull pajjiż qed jaħdem biex ilaqqam lill-atleti tiegħu. Barra minn hekk, jidher li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qed jikkuntattja lil kull pajjiż u kull atleta biex jiċċekkja jekk ħadux it-tilqima jew le u jara kif jista’ jkun t’għajnuna.

Il-problema għall-Kumitat Olimpiku Internazzjonali hi li l-Ġappun huwa wieħed mill-pajjiżi li għadu lura ħafna fit-tilqim, fejn madwar 11% biss tal-popolazzjoni għadha ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Barra minn hekk, għall-ewwel 14-il ġurnata minn meta jaslu l-kontinġenti fil-Ġappun, dawn ser ikollhom GPS fuqhom li jimmarka fejn imorru, sabiex il-Kumitat Organizzattiv jagħmel ċert li ma joħorġux f’żoni li ma jistgħux ikunu fihom.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA