Futbol lokali
MAFA Christmas Cup: Sitt timijiet jagħmluha għall-kwarti tal-finali

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet ingħata bidu għall-kompetizzjoni tal-MAFA Christmas Cup li tintlagħab f’dawn il-jiem taż-żmien il-festi tal-Milied.

Intlagħbu sitt logħbiet fi tliet grawnds differenti fejn sitt timijiet qatgħu passaġġ għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni. B’kollox ġew skorjati 23 gowl hekk kif kien hemm logħba li fiha kellha tmur għall-għoti tal-penalties sabiex jiġi determinat ir-rebbieħ għat-tieni rawnd.

Ċertament li l-iktar partita li laqtet l-għajn kien id-dwell prinċipali bejn Versity AFC u Valletta St Pauls. Kienu dawn tal-aħħar li kisbu kwalifikazzjoni komda hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 4-0 bil-logħba li tiġi determinata fit-tieni taqsima.

Dan kien it-tielet konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fi spazju ta’ xahrejn. Wara li Versity AFC rebħu l-Joe Compagno Cup għas-spejjeż ta’ Valletta St Pauls, kienu dawn tal-aħħar li ħadu t-tliet punti minn fuqhom fil-kampjonat.

L-ewwel taqsima kienet waħda fejn id-difiżi rispettivi żammew sod l-attakki tal-avversarji, b’mod partikolari Versity li kellhom biċċa xogħol diffiċli biex iżommu lill-attakkanti Radovan Duric u Christian Farrugia li kienu ta’ theddida għad-difiża tagħhom.

Fit-tieni taqsima, Valletta St Pauls ħarġu bħal iljuni u marru fil-vantaġġ permezz ta’ Radovan Duric sabiex fil-55 minuta beda x-xow ta’ Christian Farrugia li f’temp ta’ 12-il minuta skorja hat-trick sabiex ta l-kwalifikazzjoni meritat lit-tim tiegħu.

Għal Versity dan kien diżappunt ieħor minħabba li nqalgħu hekk kmieni minn din il-kompetizzjoni.

Referì kien Lorry Sammut.

Fil-grawnd tal-Mosta, Balzan Youths kisbu post fil-kwarti tal-finali tal-Christmas Cup meta għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 4-2.

Kienet logħba fejn il-Balzanin iddominaw għal ħin twil din il-partita għalkemm fl-aħħar  irrilassaw xi ftit u hawn fejn Mosta wettqu reazzjoni li madankollu ma kinitx biżżejjed.

Balzan marru minn fuq wara tliet minuti logħob permezz tal-iskorer prolifiku Shaun Matintela bl-istess plejer ikun determinanti sabiex wasal penalty wara foul fuqu. Mill-11-il metru kien Adrian Lanzon li rdoppja l-iskor sabiex l-ewwel taqsima għalqet b’Balzan 2-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet għaddejja bl-istess ritmu u fid-39 minuta Robin Blessing għamilhom 3-0 b’Nikolai Caruana jgħaqqad il-poker seba’ minuti wara.

Mosta Vikings bħal donnhom li ma ridux iċedu l-armi u wettqu reazzjoni tajba li  minnha waslu żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti. L-ewwel kien Daniel Mizzi li għeleb lill-gowlkiper Balzani sabiex żewġ minuti wara Matthew Grech għamel l-iskor aktar rispettabbli.

Referì kien Peter Abela.

Żurrieq Sunrise kisbu post għal mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni meta għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żewġ timijiet jagħtu sehemhom għal-logħba mill-aqwa. Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet fi dro ta’ mingħajr gowls, fit-tieni 35 minuta Żurrieq skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Alejandro Brincat li għeleb lil Kurt Aquilina bejn il-lasti Naxxarin. Dawn tal-aħħar ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda sabu lid-difiża tas-Sunrise f’burdata mill-aqwa sabiex ċaħħduhom mis-sodisfazzjon tal-gowl.

Referì kien Jonathan Balzan.

Il-holders ta’ din il-kompetizzjoni Valletta Stars kellhom imorru sal-għoti tal-penalties sabiex għelbu lil Tarxien AFC 5-3.

Kienet logħba ferm bilanċjata u xi drabi wkoll akkanita bejn żewġ timijiet li kienu ltaqgħu fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni sebat ijiem qabel. Dakinhar l-Istilel Beltin kienu rebħu bl-iskor ta’ 1-0.

It-Tarxiniżi bdew bl-aħjar mod possibbli din il-partita u marru fil-vantaġġ permezz ta’ Troch Martin wara azzjoni ferm veloċi.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur Tarxien AFC fit-tieni taqsima Valletta Stars għamlu sforz u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Hamza.

Bil-logħba tibqa’ fi dro ta’ 1-1 sas-70 minuta, kellhom ikunu l-penalties li ddeterminaw il-passaġġ ta’ Valletta Stars għar-rawnd li jmiss meta skorjaw il-ħames penalties tagħhom, b’Tarxien ifallu tnejn.

Referì kien Ray Tabone.

Sadanittant fil-grawnd taż-Żurrieq assistejna għal-logħba mill-isbaħ bejn Qormi Hotspurs u Balluta Barracudas b’dawn tal-aħħar jissoprendu u jirbħu bl-iskor ta’ 3-1.

Kienet wirja impekkabbli miż-żgħażagħ mill-Balluta li ħasdu lill-avversarji Qriema bi tliet gowls fl-ewwel 40 minuta tal-partita.

Dan it-tim mit-tieni diviżjoni, fl-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni fil-MAFA, qed ikompli jimpressjona dejjem aktar sabiex irnexxielu jelimina tim li jinsabu fl-ewwel diviżjoni.

Balluta marru fil-vantaġġ wara 10 minuti logħob permezz ta’ Jeremy Sullivan sabiex Alic Sladden irdoppja l-iskor.

Fit-tieni taqsima, Nic Borg għamel l-iskor 3-0 għat-tim tiegħu wara li approfitta minn ribawnd sabiex jegħleb lil Dwayne Camilleri.

Fil-50 minuta, il-Hotspurs ingħataw penalty wara rregolarita’ fil-kaxxa avversarja sabiex mill-11-il metru kien Aidan Caruana li tefa’ l-ballun naħa u l-gowlkiper naħ’oħra u naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim tiegħu.

Minkejja r-reazzjoni ta’ Qormi, iż-żgħażagħ mill-Balluta żammew sod sabiex kisbu kwalifikazzjoni bla mistenni.

Referì kien Alex Grech.

Finalment Senglea Gunners kisbu kwalifikazzjoni komda għall-kwarti tal-finali meta għelbu lill-ġirien Fgura Spartans bl-iskor ta’ 5-1.

Kienet logħba fejn it-tim immexxi minn Mario Mifsud safa’ gowl minn taħt mieta Alassane Sagna poġġa lill-Fgurin fil-vantaġġ.

Madankollu Senglea Gunners wettqu reazzjoni tajba u qalbu r-riżultat ta’ taħt fuq f’temp qasir. Huma ġabu d-dro mal-kwarta logħob permezz ta’ Richard Galea b’Anthony Spiteri jiskorja disa’ minuti wara.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Anthony Spiteri għamilhom 3-1 għat-tim mill-Kottonera.

Fit-tieni taqsima, it-tim mill-Isla kkontrolla tajjeb u żied żewġ gowls oħra permezz ta’ Anthony Spiteri u Sim Nonfulana li b’hekk skorjaw doppjetta kull wieħed.

Referì kien Georgi Bitri.

Wara dan il-logħob telgħu l-poloz tal-kwarti tal-finali li rriżultaw hekk:

Santa Lucia Ground

Is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019

2:00pm – Marsa St Michael vs Balluta Barracudas

3:30pm – Senglea Gunners vs San Ġiljan Saints

Mosta Ground

2:00pm – Balzan Youths vs Valletta St Pauls

3:30pm – Żurrieq Sunrise vs Valletta Stars

 

 

 

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Bejn il-Ġimgħa filgħaxija u l-Ħadd tintlagħab it-tnax-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, bil-logħba ta’ tmiem il-ġimgħa tintlagħab il-Ħadd bejn Valletta u Hibernians. Is-seba’ logħbiet huma dawn: Il-Ġimgħa – Stadium Nazzjonali 19:00…

Futbol lokali

Itellgħu l-poloz tat-timijiet Nazzjonali ta’ taħt is-17 u d-19 -il sena validi mir-Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA EURO 2020/21. It-tim ta’ taħt id-19 -il sena se jilgħab mal-Ingilterra, Slovenja u Wales…

Futbol lokali

Saru magħrufa l-fixtures tar-raba’ round tal-FA Trophy 2019/20. L-MFA illum ħabbret il-programm ta’ logħbiet li se jintlagħbu hekk: FA TROPHY 2019/20 – IR-4 ROUND Il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 19:00 Mosta…

Futbol lokali

Tliet timijiet żammew ir-rekord perfett fil-kampjonat lokali tal-Mini-Football meta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva sabiex żammew l-ewwel post tal-klassifika. Fil-fatt hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata fil-grawnd tal-Marsa United Stars, White Eagles…

Aktar