Futbol lokali
MAFA, It-Tieni Diviżjoni: Valletta Stars bl-akbar rebħa

Valletta Stars fetħu l-impenji tagħhom fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA bil-kbir meta rreġistraw l-akbar rebħa tal-ġurnata wara li għelbu lil Marsaxokk AFC bl-iskor ta’ 5-2.

Qabel dan il-konfront l-Istilel Beltin bdew dan il-kampjonat bi tliet punti mnaqqsa u għalhekk ir-rebħa tal-bieraħ swiet biex għallinqas naqqsu dan l-iżvantaġġ.

Min-naħa tagħhom Marsaxlokk AFC kienu qed jagħmlu d-debutt tagħhom fil-MAFA u għalihom din kienet l-ewwel partita ta’ dan il-livell. It-tim għandu entużjażmu li jaqta’ figura tajba f’din id-diviżjoni li tidher li ser ikun ferm bilanċjat.

Fil-fatt matul dan l-istaġun apparti Marsaxlokk, kien hemm żewġ timijiet oħra li applikaw sabiex jidħlu jilagħbu f’din l-assoċjazzjoni u dawn kienu Balzan AFC u Żurrieq Sunrise. Dawn ingħaqdu flimkien ma’ Mqabba Albions, Fleur de Lys CFK, Mosta Vikings u l-istess Valletta Stars għal total ta’ seba’ timijiet.

Sadanittant Valletta Stars għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara seba’ minuti logħob permezz ta’ Mohamed Khalid li għeleb lill-keeper Xlukkajr mill-viċin. Madankollu l-Beltin lanqas kellhom ċans jifirħu għal dan il-gowl għax Marsaxlokk ġabu l-iskor indaqs minuta wara grazzi għal Clint Ellul.

L-Istars baqgħu konċentrati sabiex l-attakkant tagħhom Axel Fleri reġa’ poġġihom fil-vantaġġ sabiex minuta qabel il-mistrieħ Juan Scerri għamel l-iskor 3-1.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel bil-Beltin jattakkaw u x-Xlukkajri li bdew itellgħu sensiela ta’ kontrattakki. Madankollu d-difiża tagħhom dehret mhux preparata fit-48 minuta meta Juan Schembri skorja r-raba’ gowl għat-tim mill-Kapitali.

Waqt wieħed mill-kontrattakki ta’ Marsaxlokk kien Clint Ellul li għaqqad doppjetta personali filwaqt li fetaħ xaqq ta’ tama għat-tim tiegħu.

Madankollu l-aħħar kelma kienet ta’ Valletta Stars li ssiġġillaw ir-rebħa fl-54 minuta permezz ta’ Juan Scerri li wkoll skorja doppjetta u għalaq definittivament il-logħba favurihom.

Fleur de Lys CFK ukoll kisbu l-ewwel suċċess tal-istaġun meta dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 3-1. Dan kien ir-ritorn tagħhom f’dan il-kampjonat wara li l-istaġun li għadda sfaw relegati mill-Ewwel Diviżjoni.

Il-Vikings ħasdu lill-avversarji wara 13-il minuta logħob meta Shane Snaith sab ix-xibka wara azzjoni ferm veloċi.

Minkejja kollox Fleur De Lys irkupraw malajr tant li ħames minuti wara ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Glenn Bonello. Il-gowl xpruna lil dan it-tim hekk kif fl-24 minuta kien James Attard li rdoppja l-iskor sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-1.

Fit-tieni taqsima Mosta ħarġu aggressivi fit-tfittxija għall-parita’ iżda azzjoni oħra tajba min-naħa ta’ Fleur de Lys ippermetta lil Kurt Bonnici jissiġilla r-rebħa finali meta skorja wara siegħa logħob.

Żewġ debuttanti oħra f’din id-diviżjoni Żurrieq Sunrise u Balzan Youths AFC spiċċaw fi dro ta’ 0-0. Kollox ma’ kollox ir-riżultat ta’ dro jixhed li ż-żewġ timijiet ma xtaqux jibdew dan l-istaġun b’telfa għalkemm il-partita kienet vivaċi b’azzjonijiet fuq naħa u oħra tal-grawnd.

Madankollu d-difiżi avversarji kienu prominenti sabiex xejjnu l-attakki rispettivi.

Fl-aħħar tal-partita, Żurrieq kellhom iċ-ċans għal darba darbtejn sabiex jiskorjaw iżda żewġ saves f’waqthom tal-gowlkiper Balzani Andrew Agius ċaħħadhom mis-sodisfazzjon tal-gowl.

Matul din il-ġurnata ta’ logħob Mqabba Albions kienu bye u ser ikunu qed jiddebuttaw matul tmiem il-ġimgħa li ġej kontra Valletta Stars.

Sadanittant wara din l-ewwel ġurnata ta’ logħob din hija l-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA:

Fleur de Lys CFK 3, Żurrieq Sunrise, Balzan AFC 1, Marsaxlokk AFC, Valletta Stars, Mqabba Albions 0.

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Tħejjija ntensiva anke għat-team nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena li minn nhar l-Erbgħa li ġej huwa mpenjat f’tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat UEFA Euro Under 19 fi grupp li fih ukoll…

Futbol lokali

Wara l-għaxar ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier fi tmiem il-ġimgħa it-tim nazzjonali tal-futbol it-Tnejn filgħaxija kellu l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ għall-iskwadra msejħa mill-coach Ray Farrugia bi tħejjija għall-konfront doppju home ta’ Malta…

Aktar