Futbol lokali
MAFA: Iż-żgħażagħ ta’ Barracudas jirbħu d-derby tal-Balluta

KAMPJONAT TAT-TIENI DIVIŻJONI 2019/2020

Iż-żgħażagħ ta’ Balluta Barracudas daħlu fit-taqtiegħa mhux biss għall-promozzjoni iżda wkoll għar-rebħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA meta fl-iktar partita mistennija huma rebħu d-derby kontra San Ġiljan Saints 3-2.

Kienet wirja eċċezzjonali mit-tim immexxi minn Shaun Tortell li minkejja l-logħba diffiċli li kellhom quddiemhom, kienu kapaċi joħorġu bl-unuri.

It-tim mill-Balluta, fl-ewwel sena tagħhom f’din l-assoċjazzjoni, qed juru logħob sabiħ u divertenti u dan kien evidenti sa mill-bidu tal-istaġun fejn dehru li kienu se jkunu tim kompetittiv.

Dan ir-riżultat approfittaw minnu Valletta Stars li bir-rebħa ta’ 3-1 li kisbu kontra Fgura Spartans, issa jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika flimkien mal-istess Ġiljaniżi.

Mill-banda l-oħra kellna dro ta’ 0-0 bejn Naxxar Victorians u Tarxien AFC li fil-verita’ ma ssodisfa lil ħadd.

Mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, intlagħbet logħba waħda fejn fid-dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika, Senglea Gunners u Versity AFC spiċċaw fi dro divertenti ta’ 2-2.

Kif għedna, Balluta Barracudas jinsabu punt biss bogħod mill-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ferm mistennija li attirat pubbliku mdaqqas fil-grawnd ta’ Santa Lucia bil-partitarji ta’ San Ġiljan Saints li bħas-soltu kienu armati bl-istrixxuni u l-mużika.

Protagonista tal-partita kien l-attakkant Angelo Migliore li kien awtur ta’ hat-trick u li kien ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża tas-Saints.

Kien proprju Migliore li poġġa lil Balluta fil-vantaġġ wara li xeħet il-ballun fix-xibka mill-viċin sabiex jegħleb lil Ryan Kerr.

Il-vantaġġ tagħhom dam biss tliet minuti hekk kif San Ġiljan ġabu l-iskor indaqs meta difensur ta’ Balluta deher imiss il-ballun b’idu bir-referi jordna penalty li ġie skorjat minn Michael Hennessy.

Tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Barracudas reġgħu marru fil-vantaġġ fit-32 minuta meta wara azzjoni ta’ korner, kien Migliore li għola tajjeb u bir-ras għeleb għat-tieni darba lil Kerr.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 2-1, Balluta baqgħu konsistenti u rnexxielhom jiskorjaw it-tielet gowl tagħhom meta fil-50 minuta, Angelo Migliore irċieva tajjeb mingħand Zak Muscat sabiex f’lasta vojta xeħet il-ballun ġewwa.

Fit-58 minuta, San Ġiljan Saints reġgħu daħlu fil-partita b’gowl tajjeb ta’ Matthew Mallia. Kien hawn li huma xeħtu kollox fuq l-attakk u kellu jkun il-keeper ta’ Balluta Taran Gambin li kien provvidenzjali sabiex salva r-riżultat għat-tim tiegħu.

Referì kien Lorry Sammut.

Valletta Stars telgħu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni flimkien ma’ San Ġiljan Saints meta dawru telfa f’rebħa u għelbu lil Fgura Spartans bl-iskor ta’ 3-1.

It-tim mill-belt kapitali Maltija baqa’ konsistenti fil-logħob tiegħu u għall-istatistika din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva tagħhom.

Għall-Fgurin, din kienet telfa diżappuntanti li ħalliethom jokkupaw il-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika.

L-Istilel Beltin fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti grazzi għall-gowl ta’ Sillah Sainey.

Fgura wettqu reazzjoni mill-aqwa u ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara permezz ta’ Charlton Schembri li skorja t-tieni gowl staġjonali tiegħu.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-1, fit-tieni 35 minuta l-Beltin kellhom ideat ċari u skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Sillah Sainey li għaqqad doppjetta personali u Hamza Camara.

Referì kien Dorian Caruana.

Naxxar Victorians u Tarxien AFC temmew il-konfront tagħhom fi dro diżappuntanti ta’ 0-0. Fil-verita’ kien dro ġust bejn żewġ timijiet li ħolqu ħafna ċansijiet li minkejja kollox naqsu li jkunu preċiżi quddiem il-lasti avversarji.

Dan id-dro ċaħħad lil Tarxien milli jersqu qrib it-tliet timijiet ta’ fuq għalkemm għadhom biċ-ċans tal-promozzjoni.

Min-naħa ta’ Naxxar Victorians, dan ir-riżultat iħallihom f’nofs il-klassifika u erba’ punti bogħod miż-żona l-ħamra.

Referì kien Gjorgji Bitri.

Sadanittant f’logħba waħda li kellna mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, Senglea Gunners u Versity AFC spiċċaw fi dro ta’ 2-2.

Kienet logħba ferm kumbattuta bit-tim mill-Kottonera li fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls fl-ewwel taqsima, iżda bit-tim minn Tal-Qroqq li kien tajjeb biżżejjed sabiex jilħaq lill-avversarji tiegħu u jikseb punt minn dan il-konfront.

Dan ir-riżultat ħalla liċ-champions preżenti f’żona perikoluża fil-klassifika tant li għadhom jokkupaw l-aħħar post.

Is-sitwazzjoni ta’ Senglea Gunners ftit inbidlet u għalhekk f’konfront meqjus bħala dirett l-ebda minnhom ma ħa t-tliet punti meħtieġa.

Protagonista għal Senglea Gunners kien Lydon Cuschieri li skorja doppjetta fl-24 u fil-35 minuta.

Fit-tieni taqsima, Versity AFC xeħtu kollox fuq l-attakk u skorjaw darbtejn grazzi għal Robert Perkins u Yakubu Bilali.

Referì kien Peter Abela.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Pauls 16, Marsa St Michael 13, Żurrieq Sunrise 11, Qormi Hotspurs 9, Senglea Gunners 6, Balzan Youths AFC 5, Versity AFC 4.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

San Ġiljan Saints, Valletta Stars 15, Balluta Barracudas 14, Tarxien AFC 10, Naxxar Victorians 9, Fgura Spartans 5, Mosta Vikings 0

 

 

 

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Hekk kif fil-preżent il-kampjonati f’Malta jinsabu wieqfa, huma ħafna dawk li ma jafux x’se jkun id-destin tal-klabbs lokali u x’se jiġri mill-istaġun li ġej. F’dawn il-jiem, beda jiltaqa’ l-Kumitat tas-Social…

Futbol lokali

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li ma jiddependix mill-assoċjazzjoni x’jiġri jekk il-Kampjonat BOV Premier jitwaqqaf fejn hu u ma jitkomplix, iżda trid tkun il-UEFA li taghti d-direzzjoni. Bjorn Vassallo llum…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association bdiet tgħin ukoll fil-kawża ta’ kontra l-coronavirus. L-MFA qed twassal messaġġ ta’ solidarjetà, rispett reċiproku u għaqda. Fi stqarrija fuq is-sit uffiċjali tagħha, l-MFA qalet li tinsab…

Futbol lokali

Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Malta Football Association, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ikkomunika l-aħħar direzzjoni li l-assoċjazzjonijiet tal-football ewropej ingħataw mill-UEFA kif ukoll uffiċjaliżża l-aħħar deċiżjonijiet li ttieħdu…

Aktar