Futbol lokali
MAFA KO: Marsa St Michael u Senglea Gunners jiksbu post fil-finali

RAPPORT: Robert Busuttil

Marsa St Michael u Senglea Gunners huma l-finalisti tal-MAFA KO meta fis-semifinali li ntlagħbu fi tmiem din il-ġimgħa għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom Valletta St Pauls u Qormi Hotspurs.

Din ser tkun ir-ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra meta dakinhar kienu Senglea Gunners illi għelbu lis-St Micheal bl-iskor ta’ 1-0.

Għat-tim mill-Kottonera din ser tkun it-tielet finali konsekuttiva f’temp ta’ sentejn fejn jimmiraw illi jżommu t-Tazza li rebħu s-sena l-oħra.

Min-naħa l-oħra l-Marsin ilhom ma jirbħu dan l-unur għal ħafna snin u ser jippruvaw itaffu mid-diżappunt li kellhom fil-kampjonat meta tilfuh għas-spejjeż ta’ Valletta St Pauls.

Kienu żewġ semifinali ferm eċitanti li offrew futbol sabiħ minkejja s-sħana li ħakmet mhux ftit lill-plejers fil-grawnd ta’ Santa Luċija.

Marsa St Michael kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra r-rivali eterni tagħhom Valletta St Pauls sabiex kisbu speċi ta’ vendetta sportiva wara li dawn tal-aħħar rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Il-Marsin ħarġu ferm aggressivi mill-bidu tal-partita u ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor fejn Mohammed Elamari u Nikolay Filipov resqu viċin illi jiftħu l-iskor.

Madankollu huma ftit damu sabiex marru fil-vantaġġ hekk kif fir-raba’ minuta kien Ricardo Severino illi rċieva kross mil-lemin sabiex b’xutt mal-ewwel issorprenda lill-gowlkiper ta’ Valletta St Pauls.

Marsa baqgħu l-aħjar tim u baqgħu jimpenjaw lid-difiża Beltija b’ħafna azzjonijiet veloċi sabiex l-ewwel taqsima ntemmet favurihom bl-iskor ta’ 1-0.

Fit-tieni taqsima, Valletta St Pauls ippruvaw joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom u ttantaw xortihom b’azzjonijiet ta’ Tyron Borg u Toni Bonello iżda l-keeper ta’ Marsa kien ferm attent f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Min-naħa l-oħra frikiks konsekuttivi ma’ Mohammed Elamari ħabtu mal-barriera sabiex il-Beltin evitaw li jaslu lejn il-lasti tal-gowlkiper tagħhom.

Is-St Michael baqgħu juru l-aħjar logħob u fit-58 minuta irduppjaw l-iskor meta Mohammed Telessi avvanza tajjeb, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna xeħet il-ballun fix-xibka.

Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni dehru mifxula u dlonk qalgħu t-tielet wieħed sitt minuti wara meta kien Nikolay Filipov illi llobbja tajjeb minn fuq il-gowlkiper sabiex issiġġilla r-rebħa Marsija u fuq kollox il-passaġġ għall-finali.

Aktar qabel Senglea Gunners tħabtu aktar milli mistenni sabiex jegħlbu l-isfida denja ta’ Qormi Hotspurs meta rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0.

Dawn tal-aħħar kellhom jilagħbu aktar min-nofs il-partita bi plejer anqas meta tkeċċilhom Neil Cauchi wara li mess il-ballun b’idu.

Kien hawnhekk fejn il-Gunners approfittaw u skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa eżattament fit-32 minuta meta kien Warren Zerafa li ħa ballun f’nofs il-grawnd u minnufih qassam il-ballun lejn Royter Degiorgio illi bil-kalma kollha xxuttja tajjeb u għeleb lill-keeper ta’ Qormi.

Bl-ewwel taqsima tintemm bit-tim mill-Kottonera 1-0 minn fuq, fit-tieni taqsima minkejja li b’raġel anqas, Qormi ppruvaw joħolqu reazzjoni u resqu viċin għal darba darbtejn iżda x-xorti ftit daħkitilhom, b’azzjoni minnhom fejn il-ballun għadda ċentimetri mil-lasti Sengleani.

Min-naħa tagħhom, il-Gunners ikkontrollaw il-partita sabiex setgħu jiċċelebraw it-tielet finali konsekuttiva f’din il-kompetizzjoni KO.

B’hekk nhar is-Sibt illi ġej jintemm l-istaġun 2017/2018 tal-MAFA bil-finali bejn Marsa St Michael u Senglea Gunners li ser tintlagħab fil-grawnd ta’ Santa Luċija u tibda fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar.

Ritratti: Warren Sammut

 

Miktub minn...
Sandro Micallef
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Sports Panorama.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Vic Hermans ġie ppreżentat illum mill-MFA bħala l-kowċ Nazzjonali tal-Futsal. Din se tkun it-tieni esperjenza għal Vic Hermans bħala kowċ tat-team Nazzjonali tal-Futsal wara li fil-passat hu kien diġa’ mexxa…

Futbol lokali

Fi tmiem il-ġimgħa rebħiet simili ta’ 1-0 għal San Ġwann u Mqabba rispettivament fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Convenience Shop Pre Season Tournament. Fit-tielet ġurnata ta’ dan it-Tournament li qed jikkompetu…

Futbol lokali

Steve D’Amato, l-ex kowċ ta’ Hamrun Spartans, Mosta, Rabat Ajax u Senglea Athletic, fis-sigħat li ġejjin mistenni jinħatar kowċ ta’ Naxxar Lions. Sorsi ta’ TVM Sport jikkonfermaw li l-klabb Naxxari…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19 Tarxien …….1 Gżira………..4 Victor Tedesco Stadium, Ħamrun Gżira fetħu il-kampjonat b’rebħa konvinċenti hekk kif għelbu lil Tarxien, bla dubju Gżira kienu aħjar tul id-90 minuta bit-team…

Aktar