Futbol lokali
MAFA: Marsa St Michael u Valletta St Paul jibdew fuq sieq ħażina

Żewġ timijiet favoriti għar-rebħ tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Marsa St Michael u Valletta St Pauls bdew l-istaġun fuq sieq ħażina hekk kif tilfu l-konfronti rispettivi tagħhom kontra Tal-Qroqq Versity Kamelasa u San Ġiljan Saints. Min-naħa l-oħra Żurrieq Sunrise bdew bl-aħjar mod l-istaġun b’rebħa minima iżda prezzjuża kontra Qormi Hotspurs filwaqt li żewġ gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed sabiex Senglea Gunners jiksbu rebħa fuq Valletta Stars.

Mill-kampjonat il-ġdid tat-tielet diviżjoni, Birkirkara St Joseph u Floriana Fsobians kellhom bidu tal-ħolm fid-debutt tagħhom hekk kif kisbu rebħiet kbar fuq Ħal Far Sparks u Gudja Wanderers rispettivament.

Fl-ikbar sorpriża tal-ġurnata, San Ġiljan Saints, li għadhom kemm kisbu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni, issorprendew lil Valletta St Pauls hekk kif rebħulhom bl-iskor ta’ 4-1.

Kienet logħba li l-Ġiljaniżi amministraw tajjeb ħafna filwaqt li studjaw tajjeb lill-avversarji tagħhom li sabuha diffiċli jimponu l-logħob tipiku tagħhom. Huma marru fil-vantaġġ wara 10 minuti logħob permezz ta’ Robert Veskimae li għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Il-Beltin wettqu reazzjoni immedjata u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Axel Fleri. Is-Saints baqgħu kalmi u skorjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Ethan Goodman u Robert Taylor sabiex kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Referi kien Lorry Sammut

Anke Tal-Qroqq Versity Kamelasa bdew bl-aħjar mod il-kampjonat tagħhom meta f’logħba ferm ikkumbattuta minn kull lat għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta 4-3. It-tim minn Tal-Qroqq kiseb vantaġġ ta’ tliet gowls fil-bidu tal-ewwel taqsima permezz ta’ Jonas Vilhelmsen li skorja doppjetta u Abdi Ali Jamal li rriżultaw determinanti għall-kumplament tal-logħba.

Marsa naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Gilbert Camilleri minuta minn tmiem l-ewwel taqsima sabiex Owen Cassar reġa’ daħħal ftit tama għat-tim tiegħu. Yoshikawa Yasuhiro skorja r-raba’ gowl għal Tal-Qroqq Versity Kamelasa filwaqt li Davide Martini għamel l-iskor aktar rispettabbli.

Referi kien Jean Pierre Mifsud.

Żewġ gowls fil-bidu tal-ewwel taqsima kienu determinanti sabiex Senglea Gunners għelbu lill-promossi Valletta Stars bl-iskor ta’ 2-0. Hawn spikka l-attakkant tagħhom Martin Busuttil li skorja doppjetta f’din il-partita.

Fit-tieni taqsima, l-Istilel Beltin ħarġu fuq l-attakk u ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor fejn hawn kien prominenti l-gowlkiper ta’ Senglea Gunners Ludvic Fardell li laqa’ kull ma ġie għal idejh.

Referi kien Jonathan Balzan.

Gowl uniku ta’ Antoine Barbara kien biżżejjed sabiex Żurrieq Sunrise jegħlbu lil Qormi Hotspurs fl-ewwel ħarġa uffiċjali tagħhom.

Kienet logħba fejn iż-żewġ naħat tħabtu kemm felħu b’Qormi li bdew itellgħu diversi kontrattakki iżda b’Żurrieq attenti f’kull dipartiment tal-grawnd.

Referi kien Jason Penza.

Ilbieraħ ingħata wkoll bidu għall-kampjonat tat-tielet diviżjoni li se jkun magħmul minn seba’ timijiet. F’din l-ewwel ġurnata gowls ta’ Luke Bezzina, James Camilleri, Kuranga Zaka Yaro u Kangie Lamin kienu biżżejjed sabiex Birkirkara St Joseph jegħlbu lil Ħal Far Sparks bl-iskor ta’ 4-0. Kienet logħba ddominata mill-Karkariżi li ddominaw il-pussess sabiex eventwalment ħadu t-tliet punti finali.

Referi kien Georgi Bitri.

Floriana Fsobians kellhom debutt tal-ħolm f’dan il-kampjonat hekk kif għelbu lil Gudja Wanderers 4-1. Il-Furjaniżi skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Isaac Bonelli, Trevor Cilia u doppjetta ta’ Justin Felice filwaqt li Gudja naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Ayrton Caruana.

Referi kien Reno Galea.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'