Futbol lokali
MAFA: San Ġiljan Saints ikomplu jirbħu

MAFA KAMPJONAT TAT-TIENI DIVIŻJONI 2019/2020

Gowl uniku ta’ Jamie Bowlby-Whiting kien biżżejjed sabiex San Ġiljan Saints ikomplu bir-rekord perfett tagħhom fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni wara rebħa fuq Mosta Vikings.

Is-Saints qed juru li se jkunu wieħed mill-kontendenti għall-promozzjoni bit-tielet rebħa konsekuttiva li kisbu. Fuq kollox din kienet rebħa importanti li tgħin lill-Ġiljaniżi jersqu għall-konfront dirett ta’ nhar is-Sibt li ġej kontra Tarxien AFC b’ottimiżmu.

Anke Naxxar Victorians iċċelebraw l-ewwel suċċess tagħhom fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni wara li dawru telfa f’rebħa fil-partita tagħhom kontra Valletta Stars.

Mill-banda l-oħra kellna dro ta’ mingħajr gowls bejn iż-żewġ timijiet il-ġodda fil-MAFA iġifieri Balluta Barracudas u Fgura Spartans.

Minn dak kollu li rajna f’din it-tielet ġurnata ta’ dan il-kampjonat, kull logħba se tkun missielta xhieda tal-bilanċ li jeżisti bejn it-timijiet.

Kif għedna San Ġiljan Saints kisbu t-tielet rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 1-0. Għal dawn tal-aħħar din kienet it-tieni telfa fil-kampjonat wara li kellu jbaxxu rashom fl-ewwel konfront tagħhom kontra Tarxien AFC. Fil-logħba tal-bieraħ huma kienu aktar determinati li jġibu r-riżultat u minkejja li sfaw gowl minn taħt, wettqu reazzjoni tant li anke kellhom gowl dubjuż imħassar.

Fl-istess waqt, San Ġiljan ikkontrollaw tajjeb il-logħba sabiex ħarġu bid-daħka fuq fommhom. It-tim immexxi minn Iain McLeod skorja l-uniku gowl tal-logħba wara sitt minuti logħob permezz ta’ Jamie Bowlby Whiting li rċieva tajjeb mingħand Matthew Callaghan u llobja minn fuq il-gowlkiper Mosti. Dan kien it-tielet gowl staġjonali għall-attakkant Ġiljaniż li aktar tard kien involut f’kuntrast ma’ avversarju u kellu joħroġ imweġġa’ mill-grawnd.

Il-Vikings ittantaw reazzjoni iżda sabu lill-gowlkiper Ryan Kerr f’forma mill-aqwa fejn ċaħħadhom f’diversi okkażjonijiet.

Referì kien Karl S.Galea

Naxxar Victorians kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara logħba missielta u akkanita kontra Valletta Stars. Kienet logħba li xi kultant żvolġiet f’waħda goffa tant li ż-żewġ naħat kellhom plejer kull wieħed imkeċċi.

Għall-Istilel Beltin dan kien diżappunt kbir wara li tilfu t-tieni logħba konsekuttiva u ma kinux kapaċi jirrepetu s-suċċess tal-bidu tal-istaġun. Fil-logħba tal-bieraħ, it-tim wettaq xi żbalji difensivi li rriżultaw kruċjali fir-riżultat finali.

Għan-Naxxarin dawn kienu l-ewwel tliet punti wara żewġ telfiet konsekuttivi. Huma tjiebu ħafna mill-ewwel wirja tagħhom kontra Tarxien AFC u wettqu reazzjoni qawwija fit-tieni logħba kontra San Ġiljan Saints u anke f’dik tal-bieraħ.

Valletta Stars marru fil-vantaġġ wara 20 minuta logħob permezz ta’ Nunzio Di Mauro li rċieva tajjeb mil-lemin u mill-viċin ikkonkluda l-ballun fix-xibka.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur Valletta Stars, fit-tieni taqsima rajna reazzjoni qawwija minn Naxxar Victorians li fi spazju ta’ għaxar minuti dawru r-riżultat.

Kien fil-55 minuta li Fabrizio Farrugia approfitta minn żball fid-difiża sabiex jikkonkludi l-ballun ġewwa. Għaxar minuti wara hu ħa vantaġġ minn indeċiżjoni bejn id-difensur u l-gowlkiper sabiex f’lasta vojta jiddepożita ġewwa għar-rebħa drammatika ta’ 2-1.

Referì kien Lorry Sammut.

Fgura Spartans u Balluta Barracudas temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro ta’ 0-0. Fil-verita’ il-logħba ma kellhiex tispiċċa mingħajr gowls meta tqis li ż-żewġ naħat kellhom diversi okkażjonijiet lejn il-lasti avversarji.

Balluta Barracudas bdew tajjeb il-partita u apparti li kellhom ħafna mill-pussess, ħolqu diversi ċansijiet li madankollu ma kinux sfruttati f’gowls.

Fgura Spartans tjiebu ferm fit-tieni parti tal-logħba bl-attakkant Jake Gower li beda jinvolvi ruħu f’diversi azzjonijiet perikolużi.

Minkejja kollox id-difiżi rispettivi ħarġu rebbieħa fuq l-attakkanti avversarji hekk kif ix-xbieki rispettivi baqgħu bla mimsusa.

Għal Fgura dan kien l-ewwel punt staġjonali minn żewġ partiti filwaqt li ż-żgħażagħ mill-Balluta kisbu r-raba’ punt wara r-rebħa li kisbu fit-tieni ġurnata kontra Valletta Stars.

Referì kien Reno Galea.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:

San Ġiljan Saints 9, Tarxien AFC 6, Balluta Barracudas 4, Valletta Stars, Naxxar Victorians 3, Fgura Spartans 1, Mosta Vikings 0

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-bord tal-liċenzi tal-MFA ikkonferma d-deċiżjoni li Floriana jirrappreżentaw lil Malta fil-UEFA Champions League l-istaġun li ġej. Il-konferma tħabbret f’laqgħa tal-kunsill tal-Malta Football Association illejla, bil-president tal-assoċjazzjoni Bjorn Vassallo jgħid li…

Futbol lokali

It-Taljan Gaetano Farruggio nħatar Direttur Tekniku ta’ Sliema Wanderers FC. Fi stqarrija, Sliema Wanderers FC għamlu din l-aħbar uffiċjali. Farruggio ħadem mal-kowċ Giovanni Tedesco fl-istaġun 2018/19 ma’ Hamrun Spartans FC….

Futbol lokali

Floriana FC se jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej. Dan wara li fil-Kunsill tal-MFA tal-lum tħabbar li l-Bord tal-Liċenzji kkonferma l-ħruġ tal-liċenzja tagħhom. Floriana FC…

Futbol lokali

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret l-istadium nazzjonali u l-kumpless sportiv tal-Malta Football Association f’Ta’ Qali fuq stedina tal-istess MFA. F’din iż-żjara, saret laqgħa fejn fiha ġew…

Aktar