Futbol lokali
MAFA: Senglea Gunners jaħsdu liċ-champions

MAFA – Kampjonat L-Ewwel Diviżjoni 2019/2020

Senglea Gunners bdew l-istaġun 2019/2020 tal-MAFA b’mod eċċezzjonali meta kontra kull mistenni għelbu liċ-champions Versity AFC bl-iskor ta’ 3-1.

Anke t-tim promoss ta’ Balzan Youths beda l-istaġun tiegħu bl-aqwa mod b’rebħa fuq Qormi Hotspurs filwaqt li Żurrieq Sunrise taw battikata lil Valletta St Pauls għalkemm kienu dawn tal-aħħar li daħku l-aħħar daħka.

Kif għedna Senglea Gunners kisbu rebħa tajba ta’ 3-1 kontra Versity AFC sabiex kellhom bidu mill-aqwa fl-Ewwel Diviżjoni.

Kienet logħba impekkabbli għat-tim mill-Kottonera li ħasad lil Versity li ħarġu għal din il-partita b’moral għoli wara r-rebħ tal-Joe Compagno Cup.

Min-naħa tagħhom Senglea Gunners kellhom ideat oħra u sal-ewwel kwarta logħob kienu diġa stabbilixxew vantaġġ ta’ żewġ gowls.

Il-Versity dehru maħsuda minn dawn l-attakki inizjali u damu xi ftit biex qagħdu tant li tjiebu fit-tieni taqsima għalkemm ir-reazzjoni tagħhom waslet tard wisq.

Is-Sengleani għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari u marru fil-vantaġġ grazzi għall-gowl mill-isbaħ ta’ Kalil da Rosa li x-xutt minn barra tiegħu spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Tliet  minuti wara kien James Borg li ħasad lil Max Perekokov bejn il-lasti tal-Versity sabiex irdoppja l-iskor għall-Gunners.

Il-Versity dehru maħsuda u ma kinitx sorpriża li dabbru t-tielet wieħed fil-25 minuta u reġa’ kien Kalil da Rosa li sab ix-xibka mill-viċin sabiex l-ewwel taqsima għalqet b’Senglea Gunners 3-0 minn fuq.

Fit-tieni 35 minuta, il-Versity ħarġu aggressivi u fid-49 minuta Alfonso Martinez naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim tiegħu.

Hawn il-kowċ Hamza Afifi intensifika l-pjan offensiv tiegħu għalkemm id-difiża ta’ Senglea żammet sod sabiex ħarġu minn din il-partiti bil-punti massimi.

Għall-Versity dan ma kienx bidu daqshekk pożittiv bl-għan tat-tim hu li issa jirkupraw minn din it-telfa xejn mistennija.

Referì kien Thomas Debono.

It-tim promoss ta’ Balzan Youths AFC bdew l-avventura tagħhom fl-ogħla kampjonat tal-MAFA bl-aħjar mod meta għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-1.

It-tim immexxi minn Kevin Curmi kien ferm dixxiplinat fid-difiża u fuq kollox ferm agressiv fuq quddiem tant li taw x’jagħmlu mhux ftit lid-difiża ta’ Qormi Hotspurs li sabuha diffiċli jitilgħu bil-kontrattakki tipiċi tagħhom.

Protagonista prinċipali għall-Balzanin kien Shaun Matintela li skorja doppjetta u xpruna lit-tim tiegħu għall-ewwel tliet punti ta’ dan l-istaġun.

Kienu Balzan li marru fil-vantaġġ wara 20 minuta logħob meta Chris Farrugia għadda lejn Soulio Sanogo li wara li qabeż lill-gowlkiper iddepożita l-ballun ġewwa.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Balzan 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel u kienu l-Youths li għamluhom tnejn eżatt fis-56 minuta meta Mark Cutajar għadda lil Shaun Matintela li qarraq bil-gowlkiper avversarju b’xutt fil-baxx.

Qormi dehru mifxula u ma kinitx sorpriża li qalgħu t-tielet gowl meta kien hemm żball fid-difiża li minnu approfitta Shaun Matintela li filwaqt li dar mal-gowlkiper xeħet f’xibka vojta.

Il-Hotspurs skorjaw il-gowl tal-bandiera erba’ minuti minn tmiem il-logħba minn frikik sabiħ ta’ Daniel Bezzina li qarraq għal kollox b’Andrew Agius.

Referì tal-partita kien Karl Galea.

Valletta St Pauls batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lit-tim promoss l-ieħor Żurrieq Sunrise hekk kif kisbu riżultat minimu ta’ 1-0. Kienet logħba ferm kumbattuta bit-tim mill-kapitali li rreżistew l-attakki li ppruvaw jindirizzaw il-plejers Żrieraq.

Għal din il-partita t-tim mill-kapitali kienu mmexxija mill-kowċ Toni Bonello fin-nuqqas tas-sospiżi Malcolm Tirchett u Jonathan Francica.

L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata b’Valletta li bdew iżommu l-pussess tal-ballun u b’Żurrieq li bdew itellgħu l-kontrattakki. Minkejja kollox l-ebda tim ma ssupera lill-ieħor sabiex l-ewwel taqsima għalqet fi dro ta’ 0-0.

Fit-tieni taqsima, is-St Pauls ħarġu tajjeb u skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta kien Dragan Ilic li rċieva tajjeb mingħand Uros Markovic u wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper ta’ Żurrieq ixxuttja fil-baxx għall-gowl tar-rebħa.

Minn hawn bdew l-attakki kontinwi ta’ Żurrieq Sunrise u mas-siegħa logħob ingħataw penalty wara li r-referi tal-partita ġġudika li l-keeper Belti Ludvic Fardell żamm lill-attakkant avversarju.

Mill-11-il metru kien Ryan Xuereb li ra lil Fardell isalva x-xutt ċentrali tiegħu.

Minkejja kull sforz tas-Sunrise li jsalvaw il-partita, kienu l-Beltin li ċċelebraw l-ewwel suċċess staġjonali u qed iħarsu ‘l quddiem sabiex ikunu kontendenti għar-rebħ tal-kampjonat.

Minkejja din ir-rebħa, Valletta St Pauls bdew bi tliet punti mnaqqsa f’dan il-kampjonat u minkejja li għalissa għadhom mingħajr punti rkupraw malajr dan l-iżvantaġġ.

Referì kien Jean Pierre Sammut.

KLASSIFIKA – WARA L-EWWEL ĠURNATA – KAMPJONAT MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Senglea Gunners, Balzan Youths AFC 3, Valletta St Pauls 0,  Versity AFC, Żurrieq Sunrise, Qormi Hotspurs 0.

Marsa St Michael ma kinux fl-azzjoni fl-ewwel ġurnata ta’ logħob.

Valletta St Pauls bdew bi tliet punti mnaqqsa.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Futbol lokali: L-attakkant ta’ Gżira United Jefferson de Assis rebaħ l-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Ottubru. De Assis irċieva t-trofew mingħand l-Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta Anthony Scicluna. Il-plejer għażel…

Futbol lokali

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa llum wara nofs in-nhar jilgħab kontra l-Italja f’Castel di Sangro, logħba minn Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonati tal-Ewropa 2021. Wara r-riżultat ta’ 1-1 kontra Iżrael tal-Ħamis…

Futbol lokali

Futbol lokali: It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena llum telaq lejn l-Italja għall-partiti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew ta’ din il-kategorija. Il-kowċ nazzjonali Winston Muscat għażel skwadra ta’ 20…

Aktar