Futbol lokali
MAFA Special League: Marsa St Michael jirritornaw bil-kbir

Marsa St Michael spikkaw ferm fir-ritorn tal-MAFA Special League hekk kif ixxalaw u għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 8-0. B’din ir-rebħa, il-Marsin aċċertaw ruħhom matematikament li jgħaddu għat-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni għalkemm iridu jilagħbu logħba preliminari qabel ma’ jgħaddu għall-kwarti tal-finali.

Hekk kif ilbieraħ intlagħbet l-aħħar ġurnata mill-fażi tal-gruppi fil-grawnd ta’ Marsaxlokk, saru magħrufa t-timijiet li għaddew għall-fażi li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni speċjali. Fil-fatt ma’ Marsa St Michael ingħaqdu wkoll Tal-Qroqq Versity, Senglea Gunners, Zurrieq Sunrise, Valletta Stars, San Giljan Saints, Balzan Youths, Valletta St.Pauls u Zebbug Youngsters. Se jkun meħtieġ li tintlagħab partita preliminari bejn Marsa St Michael u Żebbuġ Youngsters sabiex eventwalment isiru magħrufa l-kwartifinalisti.

Wara 97 ġurnata mingħajr logħob minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19, il-plejers tat-timijiet rispettivi dehru kuntenti li rritornaw għal din il-kompetizzjoni u minkejja t-temp sħun, taw l-aħjar tagħhom fil-ġurnata.

Minn grupp C, Marsa St Michael kienu f’forma mill-aqwa hekk kif għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 8-0. Qabel din il-partita, dawn tal-aħħar kienu għadhom biċ-ċans li jiksbu l-kwalifikazzjoni wara rebħa u dro li kisbu fil-konfronti passati tagħhom.

Madankollu t-tim immexxi minn Etienne Grech Sillato ftit ingħataw ċans mill-Marsin li riedu jaċċertaw matematikament il-kwalifikazzjoni tagħhom. Huma kienu diġa’ 7-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima.

Bħas-soltu spikka għal Marsa St Michael l-iskorer prolifiku Ricardo Severino li kien awtur ta’ ħames gowls b’Nikola Tasic, David Azzopardi u Mohammed Telessi li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Referi kien Ryan Caruana.

Mill-istess grupp, Valletta St Pauls ingħataw walk-over fuq Żejtun Laċċi wara li dawn tal-aħħar irtiraw mill-kompetizzjoni.

Minn Grupp B, San Ġiljan Saints kienu f’forma mill-aqwa u għelbu lil Balzan Youths AFC 5-1. Iż-żewġ timijiet kienu diġa’ kkwalifikati għar-rawnd li jmiss u għalhekk ħadu din il-logħba bħala preparazzjoni għall-impenji futuri tagħhom.

Madankollu kienu l-Ġiljaniżi li kienu aħjar f’dan il-konfront u marrru fil-vantaġġ permezz ta’ Jamie Bowlby-Whiting wara 25 minuta logħob. Fit-tieni taqsima Mamadou Jawo żied ieħor għas-Saints, b’Danjel Grima li naqqas il-marġni tal-iskor.

San Ġiljan Saints baqgħu kalmi u skorjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ Mamadou Jawo, Conor Murphy u Conteh Ebrima.

Sadanittant Valletta Stars spiċċaw fl-ewwel post ta’ grupp B wara li ħadu walk-over fuq Ta’ Xbiex St Helens.

Finalment Żurrieq Sunrise telgħu fit-tieni post tal-klassifika ta’ Grupp A wara rebħa tajba ta’ 4-0 kontra Senglea Gunners. Iż-żewġ timijiet kienu diġa’ aċċertati mill-kwalifikazzjoni għal mal-aħħar 16 għalkemm is-Sunrise kellhom l-għan li joħorġu bit-tliet punti minn dan il-konfront. Huma rnexxielhom jagħmlu dan bl-aqwa mod possibbli b’poker mill-aqwa bil-gowls tagħhom jiġu skorjati minn Axel Fleri, Samuel Erihim, Yuya Emura u Saul Figuero Garcia.

Referi kien Darko Stankovic.

Sadanittant Versity AFC spiċċaw fl-ewwel post tal-klassifika ta’ dan il-grupp wara li ħadu walk-over fuq Fgura Spartans.

Klassifika Finali –  Grupp A

Versity AFC 12 Żurrieq Sunrise 9, Senglea Gunners 6,  Balluta Barracudas 3, Fgura Spartans 0

Klassifika Finali –  Grupp B

Valletta Stars 12  San Ġiljan Saints 9, Balzan Youths 4, Naxxar Victorians 3, Ta’ Xbiex St Helen 1

 

Klassifika Finali –  Grupp C

Marsa St Michael, Valletta St Pauls 10, Żebbuġ Youngsters 7 Mosta Vikings 4, Żejtun Laċċi 0

Wara dawn il-logħob, ittellgħu l-poloz tal-fażi knock-out ta’ din il-kompetizzjoni speċjali li rriżultaw hekk:

L-Erbgħa 16 ta’ Ġunju – Rawnd Preliminari

M’Xlokk Ground

7.30pm – Zebbug Youngsters vs Marsa St.Michael

Is-Sibt 19 ta’ Ġunju – Kwarti tal-Finali:

M’Xlokk Ground

4.30pm – Tal-Qroqq Versity vs San Giljan Saints (1)

6.15pm – Balzan Youths vs Zurrieq Sunrise (2)

Mosta Ground

4.30pm – Valletta St.Pauls vs Senglea Gunners (3)

6.15pm – Valletta Stars vs Zebbug/Marsa (4)

Is-Sibt 26 ta’ Ġunju – Semifinali

M’Xlokk Ground

4.30pm Rebbieħ (4) vs Rebbieħ (1)

6.15pm Rebbieħ (3) vs Rebbieħ (2)

L-Erbgħa 30 ta’ Ġunju – Finali

M’Xlokk Ground – 7:30pm

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'