Futbol lokali
MAFA Special League: Marsa St Michael u Senglea Gunners viċin il-kwalifikazzjoni

Hekk kif intlagħbet il-ħames ġurnata tal-MAFA Special League, Marsa St Michael u Senglea Gunners resqu viċin il-kwalifikazzjoni għat-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni wara rebħiet minimi iżda prezzjużi.

Min-naħa l-oħra, Balzan Youths AFC kisbu l-ewwel rebħa f’din il-kompetizzjoni bi stil għalkemm batew sabiex għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-2.

Sadanittant ġew skorjati 11-il gowl fi tliet logħbiet li rriżultaw kollha bilanċjati bir-riżultat li seta’ mar fuq kull naħa.

Fi grupp A, Senglea Gunners kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet logħba ferm interessanti bejn żewġ timijiet li qabel dan il-konfront kienu bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika. Wara li fl-ewwel taqsima, it-tim mill-Kottonera kienu perikolużi, fit-tieni 35 minuta rajna r-reazzjoni ta’ Balluta li bdew jagħfsu sabiex iġibu l-iskor indaqs.

L-aħħar minuti ta’ din il-partita kienu ferm nervużi b’Senglea jispiċċaw b’raġel anqas u b’Balluta li minkejja l-aħħar sforzi finali xorta waħda spiċċaw b’idejhom vojta minn dan il-konfront.

Senglea ħadu biss erba’ minuti sabiex marru minn fuq permezz ta’ Arnando Hussine li għeleb lill-gowlkiper tal-Cudas.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0, il-Gunners ħarġu tajjeb u fl-40 minuta rduppjaw l-iskor permezz tal-istess Hussine li approfitta minn indeċiżjoni difensiva.

Minkejja dan l-iżvantaġġ doppju, Balluta Barracudas irritaljaw u naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Alec Sladden.

B’din ir-rebħa, Senglea Gunners laħqu lil Versity AFC fil-quċċata tal-klassifika ta’ Grupp A għalkemm b’logħba aktar. Għal Balluta din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara li fl-ewwel logħba kienu għelbu lil Fgura Spartans.

Referi kien Joe Camilleri.

Minn grupp B, Naxxar Victorians u Balzan Youths AFC offrew konfront eċitanti għalkemm kienu dawn tal-aħħar li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żewġ timijiet li taw dak kollu li jafu sabiex joħorġu bir-rebħ minn din il-partita. Balzan kienu żewġ gowls minn fuq iżda Naxxar irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs sabiex kellu jkun gowl mill-isbaħ fl-aħħar minuti tal-konfront li ta l-ewwel rebħa lil Youths.

Kienu Balzan li marru minn fuq man-nofs siegħa logħob b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Danjel Grima li qarraq bil-keeper Naxxari.

Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Balzan irduppjaw l-iskor meta kien Shaun Matintela li daħal tajjeb fil-kaxxa Naxxarija u b’xutt tajjeb xeħet il-ballun ġewwa.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Gonzalo Bueno naqqas il-marġni tal-iskor b’xutt mill-ewwel sabiex reġa’ daħħalhom fil-logħba

Hekk kif l-ewwel 35 minuta għalqu b’Balzan 2-1 minn fuq, il-Victorians ħarġu tajjeb u rnexxielhom iġibu l-gowl indaqs b’gowl mill-isbaħ ta’ Gonzalo Bueno li b’hekk għaqqad doppjetta personali. Il-plejers Naxxari rċieva tajjeb il-ballun u filwaqt li qabeż żewġ difensuri xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Minkejja kollox, kienu Balzan li kisbu t-tliet punti ferm importanti eżatt minuta minn tmiem il-konfront meta kien is-sostitut Chris Farrugia li avvanza mal-linja leminija u b’xutt minn pożizzjoni impossibbli issorprenda lill-gowlkiper Naxxari.

Referi kien Slobodan Rangelov.

Fi grupp C, Marsa St Michael qabżu fl-ewwel post tal-klassifika wara rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 2-1 kontra Żebbuġ Youngsters. Għal dawn tal-aħħar, din kienet l-ewwel telfa staġjonali wara r-rebħa kontra Valletta St Pauls u d-dro kontra Mosta Vikings.

Min-naħa tagħhom, Marsa St Michael reġgħu rritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra r-rivali Valletta St Pauls.

Kienu l-Marsin li marru minn fuq permezz ta’ David Azzopardi li kompla jikkonferma l-mument tajjeb li għaddej minnu meta għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur Marsa, fit-tieni taqsima kien Carlos da Silva li rdoppja l-iskor għat-tim tiegħu għalkemm Żebbuġ Youngsters irrifjutaw li jaqtgħu qalbhom tant li naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Bojan Trajceski.

Fl-aħħar minuti, iż-Żebbuġin bdew jagħfsu għall-gowl tad-dro iżda d-difiża tas-St Michael kienu attenti għal kull ballun sabiex ħarġu minn din il-partita bit-tliet punti finali.

Referi kien Gordon Barbara.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'