Futbol lokali
MAFA Special League: Tliet timijiet jiksbu l-ewwel rebħa tagħhom

Tliet timijiet bdew bl-aħjar mod possibbli l-impenji tagħhom fil-MAFA Special League hekk kif kisbu l-ewwel rebħa fil-grupp rispettiv tagħhom.  

Din il-kompetizzjoni speċjali bdiet ilbieraħ fejn 15-il tim se jkunu qed jikkompetu fi tliet gruppi differenti ta’ ħames timijet il-wieħed.  

It-tim debuttant ta’ Żebbuġ Youngsters spikkaw ferm meta dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 4-3. 

Iż-Żebbuġin kienu 3-0 minn taħt sa tmiem l-ewwel taqsima u kollox kien jindika li kienu se jġarrbu telfa  kbira. Iżda d-determinazzjoni u l-grinta li wrew issarrfet f’erba’ gowls li dawru ta’ taħt fuq ix-xorti tal-logħba.  

Sadanittant kienu Valletta St Pauls li fetħu vantaġġ ta’ 3-0 fl-ewwel 19-il minuta tal-logħba bil-gowls skorjati minn Robert Perkins, Gary Tanti u Uros Markovic.  

Żebbuġ ħarġu ferm aggressivi fit-tieni taqsima u minnufih ġabu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Francis Okonma. Il-Beltin dehru maħsuda tant li f’temp ta’ żewġ minuti qalgħu żewġ gowls oħra permezz ta’ Jason Woodhead u l-istess Okonma li b’hekk wettaq doppjetta personali. Woodhead kellu ċ-ċans jagħmel bħal sieħbu hekk kif mas-siegħa logħba skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.  Sadanittant Valletta kellhom iċ-ċans li jġibu l-iskor indaqs iżda Dimitri Boyadhziev ra x-xutt mill-11-il metru salvat mill-keeper avversarju.

L-aħħar għaxar minuti kienu assedju mit-tim Belti li iżda sab lid-difiża tal-Youngsters attenta sabiex ħarġu mill-grawnd bl-ewwel punti minn Grupp C. 

Referi kien Lorry Sammut. 

Fi grupp A, Balluta Barracudas kisbu rebħa komda ta’ 2-0 kontra Fgura Spartans f’logħba li kkontrollaw bla ebda tbatija partikolari.  

Iż-żgħażagħ mill-Balluta kienu dixxiplinati tattikament bl-Ispartans li bdew jippruvaw itellgħu xi kontrattakki perikolużi.  

Balluta marru fil-vantaġġ fis-16-il minuta meta ngħataw penalty hekk kif kien hemm irregolarita’ fil-kaxxa ta’ Fgura. Mill-11-il metru kien Matthew Sansone li xeħet il-ballun naħa u l-gowlkiper naħ’oħra.

Fit-tieni taqsima, Fgura ittantaw reazzjoni iżda reġgħu kienu l-Cudas li skorjaw it-tieni gowl hekk kif wara azzjoni ta’ kontrattakk, Matthew Sansone rċieva tajjeb u b’xutt fil-baxx għeleb lill-gowlkiper avversarju.  

Referi kien Reno Galea.  

Minn Grupp B, Naxxar Victorians kisbu rebħa minima iżda prezzjuża kontra d-debuttanti ta’ Ta’ Xbiex St Helens. Dawn tal-aħħar taw qalbhom matul din il-logħba u kienu żvinturati f’xi mumenti li ma marrux fil-vantaġġ. Madankollu l-kollettiv tal-Victorians spikka ferm u dan kien il-fattur li tahom it-tliet punti finali. 

Il-gowl waħdani li ddeċieda l-logħba skorjah James Camilleri fit-38 minuta li kien biżżejjed sabiex ta l-ewwel tliet punti tal-grupp lin-Naxxarin. 

Referi kien Joe Camilleri. 

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'