Futbol lokali
MAFA Special League: Valletta Stars u Senglea Gunners fis-semifinali

Valletta Stars u Senglea Gunners kisbu post fis-semifinali tal-MAFA Special League hekk kif rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom li ntlagħbu fiċ-Charles Abela Stadium fil-Mosta.

Senglea Gunners kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex għelbu lil Valletta St Pauls. Minkejja li ma kien hemm l-ebda gowl f’70 minuta, iż-żewġ naħat ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor għalkemm il-gowlkipers rispettivi kienu attenti fiċ-ċirkostanza.

B’hekk il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties u hawn kienu tajbin Senglea Gunners li skorjaw il-ħames xuttijiet mill-11-il metru permezz ta’ Leesay Lamin, Kieran Mallia, Anthony Spiteri, Ousman Touray u Ricardo Napoli.

Għat-tim mill-belt kapitali Maltija, l-erba’ gowls waslu minn Dimitri Boyadzhiev, Tyron Borg, Robert Perkins u Juan Navarro.

Referi kien Kurt Saliba

Fit-tieni kwarti tal-finali, Valletta Stars komplew bil-wirjiet konsistenti tagħhom meta għelbu lil Żebbuġ Youngsters bl-iskor ta’ 2-0. Dawn tal-aħħar sabu l-iebes kontra t-tim l-Istilel Beltin wara li kellhom partiti pożittivi f’dan il-MAFA Special League.

Wara li fl-ewwel taqsima, l-iskor baqa’ ma nfetaħx, Valletta Stars marru fil-vantaġġ fil-45 minuta meta kien Isaac Bonello li għeleb lill-gowlkiper avversarju b’xutt tajjeb.

Minkejja li l-Youngsters wettqu reazzjoni, kienu l-Istilel Beltin li rduppjaw l-iskor mas-siegħa logħob hekk kif minn azzjoni ta’ frikik, kien Lahin Sarr li xeħet il-ballun fix-xibka.

Referi kien George Anthony Attard.

Sadanittant, il-logħob li kellu jintlagħab fil-grawnd ta’ Marsaxlokk, ġie pospost għal nhar l-Erbgħa li ġej. Fit-tielet kwarti tal-finali, Versity AFC jilagħbu kontra San Ġiljan Saints bil-logħba tibda fis-7pm filwaqt li eżatt wara, Żurrieq Sunrise jaffaċċjaw lil Balzan Youths AFC.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'