Futbol lokali
MAFA: Valletta SP jkomplu jirbħu, Marsa SM jkomplu jsegwu

Il-liders tal-kampjonat Valletta St Pauls kisbu rebħa komda ta’ 4-1 kontra Fleur de Lys CFK sabiex baqgħu jżommu t-tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Marsa St Michael illi min-naħa tagħhom kisbu rebħa mingħajr ma lagħbu wara walkover fuq Valletta Stars.

Minkejja t-telfa ta’ 4-1, it-tim minn Fleur de Lys onora l-logħba bl-aħjar mod meta sal-ewwel taqsima kien għadu fil-logħba bil-kowċ tagħhom jibbaża tattika difensiva illi mbagħad tiżviluppa f’kontrattakki.

Min-naħa tagħhom Valletta urew l-intenzjonijiet sa mill-bidu hekk kif kellhom lill-plejer tagħhom Kane Psaila f’forma mill-aqwa tant illi skorja doppjetta f’din il-partita.

Kien proprju l-istess Psaila illi fetaħ l-iskor wara kwarta logħob sabiex ħames minuti wara kien Olumide Osaile illi rdoppja l-iskor għat-tim mill-kapitali.

Kif għedna Fleur de Lys bdew joperaw bil-kontrattakki u f’wieħed minnhom irnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor meta Chris Barbara għeleb lill-keeper avversarju.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Valletta St Pauls 2-1 minn fuq.

Fit-tieni taqsima is-St Pauls kienu determinati illi jieħdu r-riżultat tant illi ħarġu iktar aggressivi u skorjaw għal darba darbtejn f’temp ta’ minuta.

Fil-65 minuta, Valletta ngħataw penalty wara rregolarita’ fil-kaxxa avversarja sabiex mill-ħdax-il metru kien Aleksandar Ribic illi tefa’ wara l-keeper ta’ Fleur de Lys.

L-iskor sar 4-1 minuta wara meta Kane Psaila sab il-ballun ma saqajh u b’xutt tajjeb skorja gowl ieħor għall-Beltin u għaqqad doppjetta personali.

Kif għedna Marsa St Michael rebħu t-tliet punti mingħajr ma lagħbu wara li għal darb’oħra Valletta Stars ma tfaċċawx għal-logħba u b’hekk il-Marsin ħadu walk-over ta’ 2-0.

Senglea Gunners rebħu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 5-1 sabiex reġgħu rritornaw għar-rebħ u komplew isaħħu t-tielet post.

Kienet wirja ferm tajba tat-tim mill-Kottonera illi lagħbu din il-partita b’10 plejers u fost kulħadd spikka l-plejer-kowċ Clint Ellul illi kien awtur ta’ doppjetta.

Santa Lucia ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda fil-ġurnata Senglea kienu tajbin ferm u ħadu t-tliet punti b’mod meritat.

Kienu t-tim mill-Isla illi marru fil-vantaġġ grazzi għall-iskorer prolifiku Glenn Brincat illi nkuruna wirja pożittiva oħra hekk kif skorja mill-viċin.

Minkejja kollox il-Falcons wettqu reazzjoni u ġabu d-dro fl-14-il minuta permezz ta’ Martin Busuttil illi skorja t-tieni gowl tiegħu matul dan l-istaġun.

Senglea ftit infixlu minkejja l-inferjorita’ numerika u reġgħu marru minn fuq permezz ta’ Darren Cassar sabiex l-ewwel taqsima għalqet b’Senglea 2-1 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, il-Gunners ħarġu ferm tajjeb u ssoprendew lil Falcons hekk kif fid-49 minuta l-plejer-kowċ Clint Ellul daħal tajjeb filwaqt illi tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

L-istess plejer għaqqad doppjetta personali meta reġa’ skorja fil-65 minuta.

Żewġ minuti wara l-iskor sar 5-1 meta Glenn Brincat approfitta minn indeċiżjoni difensiva sabiex f’lasta vojta ssiġġilla t-tielet rebħa staġjonali għat-tim tiegħu.

KLASSIFIKA:

Valletta St Pauls 21, Marsa St Michael 18, Senglea Gunners 10, Valletta Stars 7, Fleur de Lys 4, Santa Lucia Falcons 1

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena se jkun qed jilgħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra ż-żgħażagħ tal-klabb Taljan ta’ Frosinone waqt kamp ta’ taħriġli se jsir fl-Italja aktar tard…

Futbol lokali

Michael Mifsud huwa plejer ta’ Birkirkara FC. Jidher li Birkirkara laħqu ftehim mal-captain tat-tim nazzjonali Malti fl-aħħar jiem hekk kif sar jafu li l-plejer kien se jtemm l-avventura tiegħu minn…

Futbol lokali

Partita minn Grupp 6 ta’ taħt il-21 sena, ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej fl-Italja s-sena d-dieħla: Telfa ta’ 4-0 għal Malta kontra l-Iżvezja fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali. L-Iżvedizi ħadu biss 3…

Futbol internazzjonali, Futbol lokali

Il-UEFA laqgħet l-appell li għamel Kyle Cesare, ex plejer tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, dwar sentenza li kienet tagħtu ta’ għomru barra mil-logħba tal-futbol. Id-deċiżjoni ta’ Kyle Cesare…

Aktar