Futbol lokali
MAFA: Valletta St Pauls miżmuma minn Versity AFC

Iċ-champions tal-istaġun li għadda Versity AFC żammew lil-liders tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Valletta St Pauls fi dro ta’ 1-1 sabiex it-tim mill-kapitali fallew milli jżidu l-vantaġġ li għandhom f’ras il-klassifika b’iktar punti.

Mill-banda l-oħra Żurrieq Sunrise telgħu fit-tieni post tal-klassifika għalkemm batew biex għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 2-1.

Hekk kif intlagħbet it-tmien ġurnata ta’ dan il-kampjonat, it-taqtiegħa għall-unur finali tidher li se tkun dejjem aktar ħarxa b’Valletta St Pauls jiggwidaw bi 17-il punt b’Żurrieq Sunrise tliet punti warajhom u Marsa St Michael bi 13 għalkemm dawn tal-aħħar saħansitra għandhom żewġ logħbiet nieqsa. B’hekk nistgħu naraw sitwazzjoni li jekk dawn tal-aħħar jirbħu l-partiti li għandhom huma jistgħu jaqbżu fil-quċċata.

F’dawn iż-żewġ partiti, li kienu xi ftit movimentati,  ġew skorjati ħames gowls.

Kif għedna, Valletta St Pauls setgħu jispiċċaw biss fi dro ta’ 1-1 kontra Versity AFC. Dawn tal-aħħar kellhom wirja tajba kontra l-liders tal-klassifika fejn bil-mod il-mod it-tim ġej f’tiegħu għalkemm xorta waħda għadhom fl-aħħar post tal-klassifika.

Valletta St Pauls ippruvaw jiksbu l-gowl tar-rebħa iżda sabu lid-difiża minn Tal-Qroqq f’burdata li ma jagħtu ebda rigali sabiex ħarġu b’punt minn dan il-konfront.

Kienu Versity AFC li marru fil-vantaġġ wara biss sitt minuti grazzi għal Abel Okoro li għeleb lill-gowlkiper ta’ Valletta St Pauls Jianiro Camilleri.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur Versity AFC, fit-tieni taqsima rajna reazzjoni qawwija mill-Beltin li kellhom l-għan li jerġgħu jidħlu fil-partita. Huma għamlu dan proprju fil-45 minuta meta Tyron Borg ġab l-iskor indaqs sabiex għeleb lil Hamza Afifi bejn il-lasti ta’ Versity. Dan kien it-tieni gowl li skorja l-attakkant Belti matul dan l-istaġun.

Kien hawn li l-Beltin żiedu aktar id-doża fl-attakk iżda d-difiża avversarja żammet sod sabiex tal-inqas ħarġet b’punt minn din il-logħba.

Referi kien Lorry Sammut.

Żurrieq Sunrise kisbu rebħa prezzjuża ta’ 2-1 kontra Qormi Hotspurs f’logħba li kien fiha minn kollox.

B’dan ir-riżultat is-Sunrise jinsabu issa waħedhom fit-tieni post tal-klassifika, tliet punti bogħod mil-liders Valletta St Pauls. Min-naħa tagħhom b’din it-telfa Qormi baqgħu f’nofs il-klassifika f’disa’ punti minn tmien logħbiet.

Protagonista assolut ta’ din il-partita kien l-attakkant ta’ Żurrieq Sunrise Matthew Salvatore Magro li kien awtur ta’ doppjetta sabiex xpruna lit-tim tiegħu għas-suċċess finali.

Kien proprju Salvatore Magro li poġġa lil Żurrieq fil-vantaġġ fis-26 minuta wara azzjoni ferm tajba mibdija minn Yulya Emera.
Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur is-Sunrise, fit-tieni taqsima huma baqgħu tajbin tant li rduppjaw l-iskor fl-40 minuta fejn wara azzjoni ta’ frikik, kien l-istess Salvatore Magro li għeleb lill-gowlkiper Dwayne Camilleri mill-viċin.

Qormi bħal donnhom stenbħu u wettqu reazzjoni tant li fis-46 minuta naqqsu l-marġni tal-iskor fejn wara kontrattakk veloċi, l-akkwist il-ġdid tagħhom Gary Desira twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur Żurrieqi bir-referi tal-partita jordna penalty.

Mill-11-il metru kien Jean Carl Cuschieri li għeleb lill-keeper avversarju Ivan Valentin għal skor ta’ 2-1.

Hekk kif kien għad fadal aktar minn 24 minuta, Qormi xeħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jieħdu għallinqas dro għalkemm reġgħu kienu Żurrieq li resqu viċin meta xutt ta’ Marco Saraceno ħabat mal-lasta.

Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-istess Żurrieq li ċċelebraw ir-raba’ rebħa staġjonali sabiex żammew ħajjin it-tamiet tagħhom li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat.

Referi kien Jason Penza.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Valletta St Pauls 17, Żurrieq Sunrise 14, Marsa St Michael 13, Qormi Hotspurs 9, Senglea Gunners 6, Balzan Youths AFC, Versity AFC 5.

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Futbol lokali: il-bieraħ logħba ta’ ħbiberija bejn Gżira United u Vittoriosa Stars li ntlagħbet fil-Victor Tedesco Stadium. Rebħa ta’ 4-0 għal Gżira United bil-goals għal Maroons skorjati minn: Jefferson li…

Futbol lokali

Hekk kif il-ftuħ tal-istaġun tal-football 2020/21 bl-impenji tal-Clubs Maltin fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA riesaq iktar viċin, l-MFA fiċ-ċirkostanzi preżenti qed tħejji u tintensifika l-protokolli mediċi interni tagħha biex fl-eventwalita’ li l-Clubs Maltin…

Futbol lokali

Tmintax -il organizazzjoni mhux governattiva irċevew donazzjonijiet mill-Malta Football Association bħala parti mill-proġett ta’ Social responsibility : Football For Life programme. Dawk li rċevew id-donazzjonijiet kienu : Puttinu Cares, Dar…

Aktar