Futbol lokali
MAFA: Versity AFC jirbħu l-konfront dirett u jitilgħu fil-quċċata

Versity AFC qabżu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA  meta rebħu l-konfront dirett tal-quċċata tal-klassifika kontra Senglea Gunners bl-iskor ta’ 4-2. Min-naħa l-oħra Marsa St Michael ikkonfermaw li baqgħu jissieltu għall-kampjonat b’rebħa tajba ta’ 2-0 fuq Qormi Hotspurs filwaqt li San Ġiljan Saints baqgħu jikkonfermaw il-mument tajjeb li jinsabu fih meta kisbu tliet punti fuq Naxxar Victorians.

Hekk kif intlagħbet is-seba’ ġurnata ta’ dan il-kampjonat, kollox jidher li l-isfida għar-rebħ tat-titlu ser tkompli tiħrax dejjem aktar. Huwa veru li b’din ir-rebħa t-tim minn Tal-Qroqq għamel pass ‘il quddiem iżda kollox għad jista’ jiġri f’diviżjoni verament bilanċjata.

Sadanittant din kienet l-ewwel telfa li sofrew Senglea Gunners fil-kampjonat wara li qabel dan il-konfront kienu kisbu tliet rebħiet u tliet dros. Iċ-ċansijiet li tilfu fil-bidu tal-partita nfluwenzaw dan ir-riżultat b’Tal-Qroqq Versity li approfittaw u kisbu tliet punti ferm importanti.

Fuq kollox spikkaw iż-żewġ plejers li sabu x-xibka iġifieri Bilali Yakubu u Alfonso Martinez.

Versity AFC marru fil-vantaġġ wara tmien minuti logħob meta wara azzjoni ferm veloċi kien Martinez li għadda lejn Yakubu Bilali li b’xutt qawwi għeleb lil Fardell. Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favur il-Versity.

Fit-tieni taqsima Senglea Gunners ħarġu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Abdullah Hussein. Versity AFC baqgħu kalmi u reġgħu marru fil-vantaġġ fid-49 minuta b’gowl tajjeb ta’ Alfonso Martinez. It-tim mill-Kottonera deher konfuż u sitt minuti wara għamluhom tlieta grazzi għal Yakubu Bilali li b’hekk għaqqad doppjetta personali.

L-iskor ma damx ma sar 4-1 hekk kif il-plejer Spanjol Alfonso Martinez għaqqad doppjetta personali wara azzjoni mibdija mill-istess plejer.

Senglea għamlu l-iskor aktar rispettabbli minuta qabel tmiem il-partita meta kien Soulio Fofana li għeleb lill-gowkiper avversarju.

Fi tmiem il-partita dehret il-bixra ta’ ferħ f’wiċċ il-plejers tal-Versity li issa jinsabu jikkmandaw il-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni.

Marsa St Michael kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Qormi Hotspurs sabiex barra li ħadu t-tielet rebħa staġjonali, telgħu wkoll fit-tielet post tal-klassifika.

Din il-partita bejn dawn iż-żewġ timijiet sa fl-aħħar intlagħbet wara li l-partita tal-ewwel rawnd tħassret għal darba darbtejn minħabba x-xita. Dawn iż-żewġ naħat xorta għad iridu jirkupraw dan il-konfront fil-ġimgħat li ġejjin.

Protagonista prinċipali għas-St Michael kien Shawn Vella li skorja doppjetta u jidher li issa qagħad sew fl-iskemi tattiċi tal-kowċ Dassier Borg.

Vella skorja l-ewwel gowl fl-24 minuta b’xutt tajjeb bid-dawra li ma ta l-ebda ċans lill-keeper ta’ Qormi jsalva. Wara li l-ewwel taqsima għalqet b’Marsa 1-0 minn fuq, il-pjan tal-logħba qajla nbidel tant li kienu St Michael li rdoppjaw l-iskor meta r-referi tal-partita Georgi Bitri issenjala penalty favurihom li ġie skorjat b’mod tajjeb mill-istess Shawn Vella.

B’din it-telfa, il-Hotspurs baqgħu t-tieni mill-aħħar fil-klassifika u jħarsu ‘l quddiem sabiex jakkwistaw il-punti bl-objettiv prinċipali jkun dak li jevitaw ir-relegazzjoni.

San Ġiljan Saints telgħu fir-raba’ post tal-klassifika meta għelbu b’mod komdu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-1. Mingħajr m’għamlu affarijiet kbar, is-Saints kisbu t-tliet punti li riedu, b’Naxxar li kellhom il-mumenti tagħhom iżda m’għarfux jisfruttaw iċ-ċansijiet li ġewhom.

Kien Mark Stinchcombe li fetaħ l-iskor għall-Ġiljaniżi sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 minn fuq. Fit-tieni taqsima, San Ġiljan skorjaw it-tieni gowl tagħhom permezz ta’ Michael Hennessey li żamm l-appuntament mal-gowl hekk kif skorja xutt mill-11-il metru.

Il-Victorians reġgħu daħlu fil-partita grazzi għal Fabrizio Farrugia iżda l-aħħar kelma kellu tkun ta’ San Ġiljan Saints meta kien Tomek Fikas li qassam lil Ionut Popescu li min-naħa tiegħu fajjar xutt bomba li Mikhail Duca ma seta’ jagħmel xejn.

Wara din il-ġurnata ta’ logħob din hija l-klassifika l-ġdida tal-Ewwel Diviżjoni:

Versity AFC 15, Senglea Gunners 12, Marsa St Michael 11, San Ġiljan Saints 10, Valletta St Pauls 8, Qormi Hotspurs 7, Naxxar Victorians 1.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Tħabbar li ż-żewġ logħbiet mill-kwartifinali tal-FA Trophy li kellhom jintlagħbu għada fl-istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kienu mħassra minħabba l-maltemp. Fl-ewwel logħba ta’ għada Balzan kellhom jiltaqgħu kontra Tarxien u fit-tieni…

Futbol lokali

Birkirkara ppreżentaw l-akkwisti u l-isponsors il-ġodda f’konferenza stampa organizzata llum wara nofsinhar li ġiet indirizzata mill-President Frank Zarb, mid-Drettur Tekniku Michael Valenzia u mid-Direttur Sportiv John Arne Riise. Frank Zarb,…

Futbol lokali

Bejn għada u l-Ħadd, jintlagħbu l-erba’ kwarti tal-finali tal-FA Trophy, fejn minnhom iridu joħorġu s-semifinalisti għal dan l-istaġun. It-tmien kowċis li se jkunu nvoluti f’dawn il-partiti ngħaqdu f’daqqa fil-Millennium Stand…

Aktar