Futbol lokali
MAFA: Żebbuġ Youngsters u San Ġwann Pro Evolution jibqgħu jirbħu

Żebbuġ Youngsters u San Ġwann Pro Evolution Academy komplew bil-mument pożittiv tagħhom fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA hekk kif rebħu t-tieni logħba konsekuttiva tagħhom.

Wara din it-tieni ġurnata, dawn iż-żewġ timijiet ikkonfermaw li se jkunu kontendenti serji mhux biss għall-promozzjoni iżda wkoll għar-rebħ tal-kampjonat.

F’logħbiet oħra, Mosta Vikings kisbu l-ewwel punt staġjonali tagħhom wara dro pjaċevoli ta’ 2-2 kontra Żejtun Laċċi filwaqt li gowl fl-aħħar sekonda ċaħħad lill-Imqabba Albions milli jirbħu t-tieni logħba konsekuttiva tagħhom.

Fil-partita tal-ġurnata, San Ġwann Pro Evolution Academy dawwru telfa f’rebħa wara li għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ferm eċitanti bejn żewġ timijiet li rebħu l-ewwel konfront tagħhom fil-kampjonat.

Kienu San Ġwann li marru fil-vantaġġ wara seba’ minuti logħob permezz ta’ Liam Grandehomme.

Ir-risposta ta’ Balluta Barracudas kienet immedjata tant li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Andrew Faure. Ħames minuti wara huma żiedu l-iskor wara li Matthew Tortell għeleb lill-gowlkiper Franċiż ta’ San Ġwann.

Fit-tieni taqsima, San Ġwann għamlu reazzjoni qawwija u minkejja li spiċċaw b’raġel anqas kienu kapaċi jdawwru l-iskor favurihom wara li Liam Grandehomme għaqqad doppjetta personali bi Swann Vachet jiskorja l-gowl rebbieħ.

Referi kien Milos Kristic.

Żebbuġ Youngsters kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat wara li għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 4-1. Iż-Żebbuġin kellhom l-ideat tagħhom ċari sa mill-bidu fejn bdew jippressaw lill-avversarji, bin-Naxxarin li bdew isibuha diffiċli biex jippenetraw id-difiża soda tal-avversarji.

Żebbuġ stabilixxew vantaġġ doppju fl-ewwel 22 minuta tal-logħba permezz ta’ Omar Kamara u Joao Orban li b’hekk żammew l-appuntament mal-gowl. Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Naxxar Victorians naqqsu l-marġni tal-iskor grazzi għal Luke Mifsud.

Fit-tieni taqsima, il-Youngsters baqgħu għaddejjin u skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Karl Vella u Federico di Stefano li b’hekk issiġġillaw l-iskor finali ta’ 4-1 favurihom.

Referi kien Kieran Mallia.

F’partita pjaċevoli, Żejtun Laċċi u Mosta Vikings spiċċaw fi dro ta’ 2-2. Għal dawn tal-aħħar, dan hu l-ewwel punt staġjonali wara t-telfa ta’ ħmistax ilu kontra Balluta.

Wara dro ta’ 0-0 fl-ewwel 35 minuta, il-logħba sbieħet u kienu Mosta li marru minn fuq permezz ta’ Jurgen Borg. Żejtun irrispondew bil-kbir u hawn daħal fix-xena l-attakkant Juan Scerri li skorja doppjetta f’temp ta’ żewġ minuti.

Madankollu l-Mostin rrifjutaw li jarmu x-xugaman u pront ġabu l-parita’ permezz ta’ Darrell Grech.

Referi kien J.C Saliba.

Gowl kiesaħ u biered ta’ Christian Borg ċaħħad lil Mqabba Albions milli jiċċelebraw it-tieni rebħa staġjonali wara li spiċċaw fi dro ta’ 1-1 kontra Fgura Spartans. Għal dawn tal-aħħar dan kien l-ewwel punt li kisbu sabiex issa jħarsu ‘l quddiem għal dan il-kampjonat ferm diffiċli.

Mqabba Albions marru minn fuq wara 10 minuti logħob permezz ta’ Charlon Bugeja sabiex l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 għalihom.

Il-Fgurin baqgħu jemmnu sal-aħħar tant li Borg skorja dak li kellu jkun il-gowl tad-dro finali.

Referi kien Ryan Caruana.

Sadanittant mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Żabbar Southsiders laħqu lil Floriana Fsobians f’ras il-klassifika wara rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Birkirkara St Joseph. Għal dawn tal-aħħar din kienet l-ewwel telfa staġjonali wara li rebħu l-ewwel konfront tagħhom.

Minkejja kollox, iż-Żabbarin għarfu jisfruttaw iċ-ċansijiet tagħhom u skorjaw fil-45 minuta permezz ta’ Gabriel Calleja sabiex fl-aħħar minuta tal-logħba Luke Cachia issiġġilla r-rebħa favur it-tim tiegħu.

Referi kien Stefan Minic.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'