Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
“Magħquda għal Ġejjieni Flimkien” … il-motto tal-Olimpjadi tax-Xitwa

Żvelat il-motto tal-Olimpjadi tax-Xitwa Beijing 2022, “Magħquda għal Ġejjieni Flimkien” (Together for a Shared Future). Il-motto kien żvelat waqt ċerimonja li saret fil-Mużew li jinsab fil-kapitali bil-għan li jintwera kif kulħadd ser jingħaqad flimkien taħt il-bandiera Olimpika.

Il-motto ntgħażel wara proċess estensiv, fejn b’kollox kien hemm 79 sottomissjoni ta’ logos differenti.

Matul it-tnedija sar magħruf li fix-xhur li ġejjin qabel jibdew l-Olimpjadi tax-Xitwa, ser isiru 10 kompetizzjonijiet internazzjonali bħala test, flimkien ma’ żewġ avvenimenti domestiċi u tliet ġimgħat ta’ taħriġ internazzjonali qabel jingħata bidu għal-Logħob Olimpiku.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali kkonferma li f’Beijing ser ikun hemm miżuri ta’ mitigazzjoni għall-Covid-19 sabiex il-parteċipanti jkunu qed jgħixu u jikkompetu f’ambjent sigur.

S’issa għadu mhux deċiż jekk partitarji u spettaturi humiex ser jitħallew jidħlu fl-istadia fejn ser jintlagħbu d-dixxplina, u għad m’hemm l-ebda konferma jekk persuni minn barra ċ-Ċina humiex ser jitħallew jidħlu speċifikament minħabba l-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. L-Olimpjadi ser isiru f’Beijing bejn l-4 u l-20 ta’ Frar 2022.

Beijing ser tkun l-ewwel belt fid-dinja li tospita l-Olimpjadi kemm tas-sajf kif ukoll tax-xitwa, wara li fl-2008 kienet ospitat l-edizzjoni tas-sajf.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA