Futsal
Malta FA Youth Futsal League: Pieta’ jibqgħu liders assoluti

Hekk kif matul din il-ġimgħa ma kellniex logħob mill-kampjonat FMA tal-futsal minħabba l-kamp ta’ taħriġ tat-tim nazzjonali Malti, l-attenzjoni tad-dilettanti ta’ dan l-isport waqgħet fuq il-Youth Futsal Under 16 League. Dan il-kampjonat qed jiġi organizzat mill-MFA u għandu l-għan li jagħti opportunita’ liż-żgħażagħ sabiex isiru jafu aktar dwar il-futsal filwaqt li jkabbru l-ħiliet personali tagħhom.

Il-kampjonat qed isir kull nhar ta’ Tnejn u qed jintlagħab fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. B’kollox qed jieħdu sehem disa’ timijiet u dawn huma Sliema, Naxxar, San Ġwann, Mtarfa, Pieta’, Balzan, Floriana, Mellieħa u Swieqi. Il-livell ta’ logħob qed ikun wieħed ferm għoli u dan qed jgħin sabiex ikun hemm partiti ferm bilanċjati.

Il-ġimgħa l-oħra kellna żewġ logħbiet ferm interessanti li pproduċew xejn inqas minn 20 gowl. Pieta’ Hotspurs għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 6-4 bil-protagonista prinċipali jkun Ivin Gatt li skorja sitt gowls. Għal Swieqi Benjamin Neame skorja tliet gowls filwaqt li Joel Sant żied ieħor għat-tim tiegħu.

F’logħba oħra li kellna, Sliema u Naxxar offrew logħba eċitanti u spettakolari li spiċċat fi dro ta’ 5-5. Kienet partita ta’ botta u risposta biż-żewġ naħat li baqgħu jirsistu sal-aħħar sekonda kif jixhed anke l-iskor. Għas-Slimiżi Aaron Stagno skorja hat-trick b’Nathan Buttigieg u Sheldon Cuschieri jniżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers. Naxxar Lions kellhom lil Mason Agius u Glenn Gauci awturi ta’ doppjetta filwaqt li Matthew Ayres żied ieħor għalihom.

Fil-klassifika Pieta’ Hotspurs jinsabu fl-ewwel post meta kisbu 12-il punt, Sliema, Balzan, Naxxar u Floriana għandhom seba’ punti, San Ġwann u Mellieħa li kisbu sitt punti bi Swieqi u Mtarfa li għandhom mingħajr ebda punt.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'