Futbol lokali
Malta f’partita ta’ ħbiberija mal-Portugall f’Ġunju
Ikkonfermati wkoll partiti ta' ħbiberija home ma' Ġibilta' u l-Ażerbajġan f'Marzu bħala l-ewwel impenji tal-coach nazzjonali ġdid Devis Mangia
Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA

It-team nazzjonali Malti se jilgħab partita ta’ ħbiberija maċ-champions Ewropej il-Portugall f’Ġunju.

Il-partita għalkemm għad trid tiġi konfermata formalment mill-FA Portugiża hija skedata għal ftit jiem qabel il-Portugall jitilqu għal Budapest fejn jiftħu d-difiża tat-titlu li rebħu erba’ snin ilu fi Franza. Il-Portugall telgħu biex jilagħbu fi Grupp F ta’ Euro 2020 mal-Ġermanja, Franza, u r-rebbieħ ta’ waħda mill-playoffs għall-aħħar erba’ postijiet ta’ kwalifikazzjoni. L-ewwel partita tal-Portugall fil-fatt se tkun kontra dan it-team. Qabel Malta, il-Portugall se jilagħbu partita oħra ta’ ħbiberija ma’ Spanja fil-5 ta’ Ġunju f’Madrid.

L-aħbar tal-partita mal-Portugall ingħatat mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo fi tmiem il-laqgħa tal-kunsill tal-assoċjazzjoni lbieraħ. Vassallo kkonferma li l-ewwel impenji għall-coach nazzjonali ġdid Devis Mangia se jkunu partiti ta’ ħbiberija hawn Malta kontra Ġibiltà u l-Ażerbajġan fis-26 u t-30 ta’ Marzu. F’Ġunju mbagħad it-team Malti jmur għat-training camp ta’ tmiem l-istaġun fl-Awstrija fejn jintlagħbu partiti oħra ta’ ħbiberija mas-Slovenja u team li għad irid jiġi konfermat imma probabbli jkun tal-istess kalibru ta’ Malta. Minn hemm imbagħad il-vjaġġ għal Lisbona għal-logħba mal-Portugall: u bejn Settembru u Novembru, l-impenji kompetittivi fil-UEFA Nations League.

Mil-laqgħa tal-kunsill tal-bieraħ ħareġ ukoll intant li l-MFA ma nstabet ħatja ta’ ebda nuqqas fl-inkjesta maġisterjali li saret dwar il-partita tat-3 Diviżjoni bejn Santa Venera u Kirkop Utd fis-Centenary Stadium f’Ottubru li għadda, meta player ta’ Santa Venera kien kważi miet b’attakk tal-qalb. L-inkjesta sabet li l-protokoll mediku tal-MFA fl-Istadium iffunzjona kif suppost u t-tagħmir tas-CPR kien essenzjali biex tiġi salvata l-ħajja tal-player.

Fuq rakkomandazzjoni tal-inkjesta u wara diskussjonijijiet mal-MFPA, ġew approvati emendi għar-regolamenti biex tiżdied il-frekwenza tat-testijiet mediċi tal-players: u mill-istaġun li ġej kull club irid ikollu first-aider fost il-persuni mniżżla fil-match list għal kull partita kompetittiva.

Fil-laqgħa tal-bieraħ ukoll, ġew ipprezentati l-ewwel diżinji taċ-ċentru tekniku ġdid li l-MFA qed tipproponi li tibni fiż-żona tat-training grounds maġenb l-Istadium Nazzjonali.

Il-kunsilliera ġew aġġornati bil-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej ma’ rapprezentanti tal-clubs mid-diviżjonjiet kollha, il-Youth FA u msieħba oħra, dwar pakkett ta’ proposti li ħarġu minn diskussjonijiet f’livelli varji bi tħejjija għall-progett għall-introduzzjoni ta’ club professjonali Malti fis-Serie C fl-Italja. Il-kunsilliera ġew mgħarrfa li tħejja l-qafas ta’ charter li jinkludi miżuri ta’ salvagwardja u mekkaniżmi ta’ solidarjetà favur il-clubs fejn jidħlu trasferimenti.

Bjorn Vassallo tkellem ukoll dwar il-liċenzjar u s-sostenibbilta’ tal-clubs, u dwar it-twaqqif tal-fondazzjoni ġdida tal-MFA għas-settur tal-youths li se tpoġġi emfażi fuq il-ħolqien ta’ hubs reġjonali għal aċċessibbilta’ ikbar għall-football fl-irħula Maltin u Għawdxin, b’iktar opportunitajiet ta’ karrieri fil-football.

Il-president tal-MFA ikkwota minn studju li sar b’kollaborazzjoni mal-UEFA dwar l-impatt soċjo-ekonomiku tal-football Malti, li rriżulta li jiġġenera benefiċċji li jammontaw għal miljuni ta’ ewro: fosthom fit-turiżmu sportiv fejn minn attivitajiet li torganizza l-MFA jinħolqu mat-tletin elf bed-night fis-sena.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-Malta Football Association għandha reġistrati magħha 845 kuntratt mill-erba’ diviżjonijiet rispettivi tagħha li huma l-Kampjonat BOV Premier, il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, il-Kampjonat BOV tat-Tieni Diviżjoni u l-Kampjonat BOV tat-Tielet Diviżjoni….

Futbol lokali

Il-Malta Football Association se tkun qed tipproponi xenarji differenti dwar kif se jitkomplew il-kompetizzjonijiet domestiċi f’pajjiżna fosthom li dawn jintlagħbu fix-xhur tas-sajf wara l-bibien magħluqa. TVMSport jinsab infurmat li Bjorn…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association illum varat proġett ġdid ta’ programm tat-televiżjoni mmirat speċifikament għat-tfal f’dan iż-żmien meta ħafna qedgħin kostretti jqattgu l-ħin tagħhom id-dar. L-għan ta’ dan il-programm bl-isem ta’ ‘Training…

Aktar