Futbol lokali
Malta – Gżejjer Faroe: It-Tlieta b’xandira diretta mit-20:00hrs ‘il quddiem fuq TVM2

Il-Gżejjer Faroe: pajjiż awtonomu fi ħdan ir-Renju tad-Danimarka ta’ ftit iktar minn ħamsin elf abitant: nofs triq bejn in-Norveġja u l-Iżlanda fl-Oċean Atlantiku: l-aħħar ostaklu fit-triq tat-team nazzjonali Malti tal-football lejn mira storika.

Malta għada tiffaċċja lill-Gżejjer Faroe fl-aħħar partita minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League. L-avversarji għandhom vantaġġ ta’ tliet punti fuq Malta fil-quċċata tal-grupp: rebħa għal Malta tfisser li ż-żewġ timijiet jispiċċaw punti ndaqs: 11 kull wieħed.

Il-grupp allura jkun deċiż bil-goals: rebħa ta’ 1-0 jew 2-1 għal Malta, jew kwalunkwe rebħa b’distakk ta’ żewġ goals jew iżjed, tkun tfisser l-ewwel post. B’telfa, draw, u anke b’rebħa ta’ 3-2 għal Malta, jew kwalunkwe rebħa b’aktar goals imma distakk ta’ goal wieħed biss: il-grupp imur għand il-Gżejjer Faroe.

Dan hu x-xenarju quddiem il-players bil-flokk aħmar meta għada filgħaxija jinżlu fuq il-ħaxix tal-Istadium Nazzjonali. Il-premju huwa promozzjoni għal livell ogħla fl-istess kompetizzjoni sentejn oħra: imma l-prestiġju huwa ikbar. Fil-konferenza tal-aħbarijiet tradizzjonali ta’ lejlet il-partita, il-coach tat-team nazzjonali Devis Mangia qal li jemmen li Malta tista’ tirbaħ: għakemm fil-mikrofonu ta’ TVMSport baqa’ konsistenti jgħid li l-logħba hija importanti għax hija l-logħba li jmiss:

Għall-partita t’għada jirritorna fl-iskwadra Steve Borg: imma jibqa’ nieqes Jean Borg imweġġa’ u għadu dubjuż Kyrian Nwoko. Mangia wera fiduċja fl-iskwadra sħiħa b’danakollu u qal li l-moral fid-dressing room hu għoli. Il-captain Andrei Agius jaqbel. Mistoqsi jaħsibx li l-avversarji jippressaw għoli biex itellfu l-build-up mid-difiża, Mangia qal li jista’ jkun il-każ imma ma jarax li jistgħu jippressaw tul il-logħba kollha. Qal ukoll li hemm lezzjonijiet x’jittieħdu mit-telfa ta’ 3-2 fl-aħħar konfront bejn iż-żewġ pajjiżi xahrejn ilu. Dan se jkun l-għaxar konfront fl-istorja bejn iż-żewġ pajjiżi: bilanċ s’issa żewġ rebħiet għal Malta, draw wieħed, u sitt telfiet. Malta – Gżejjer Faroe: kick-off għada filgħaxija fid-20:45: xandira diretta fuq TVM2 mit-20:00.

Miktub minn...
TVM Sport
.