Darts
Malta International Darts Open: It-tħejjijiet jinsabu fl-aqwa tagħhom

Il-Malta International Darts Open tibda għada t-Tlieta 14 ta’ Novembru mis-6.00pm ‘il quddiem fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Il-Malta Darts Association, bl-għajnuna ta’ ħafna persuni oħra, tinsab għaddejja fl-aqwa tagħha biex sa għada kmieni wara nofsinhar, kollox ikun lest u f’postu għal dan it-tournament prestiġġjuż ta’ livell Ewropew. SportMalta offriet is-sala tal-kumpless lill-Malta Darts Association biex tkun tista’ torganizza tournament ta’ dan il-livell.

Illum, f’Malta, bdew jaslu l-plejers professjonali u semi professjonali li se jkunu qegħdin jikkompetu fil-Malta International Darts Open 2017.

TVM Sport jinsab infurmat li b’kollox se jikkompetu minn barra mal-290 plejer raġel u 80 mara għal total ta’ 370 plejer barrani. Magħhom se jikkompetu l-Maltin biex it-total tal-plejers li se jipparteċipaw għal din il-Malta Open tad-darts ta’ din is-sena se jaqbeż il-500 plejer.

Fost il-plejers li se jkunu f’pajjiżna, wieħed isib lil Ritchie Edwards, Champion tad-darts ta’ Wales u lil Lisa Ashton, l-Ingliża Champion tad-Dinja preżenti.

Il-Malta International Darts Open għandha premijiet ta’ €10,700 fi flus kontanti u r-rebbieħ tal-finali tal-Men’s Singles jieħu miegħu d-dar ċekk ta’ €3,500.

Il-Malta International Darts Open tintemm il-Ħamis tard filgħaxija bil-finali kollha.

Il-pubbliku Malti mħeġġeġ jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-plejer Maltin. Id-dħul fil-kumpless sportiv tal-Kottonera hu mingħajr ħlas.

TVM2 se jkun qed iwassal xandira estensiva dwar il-Malta International Darts Open 2017, bil-finali kollha li se jintwerew f’forma ta’ kummentarju.

Aħbarijiet Oħra
Darts

Malta International Darts Open illejla qed jitlgħabu diversi logħob mill-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni fejn iktar tard ikunu magħrufa wkoll ir-rebbieħa tas-singles events kemm tal-irġiel u anke tan-nisa. Fil-kompetizzjoni singles…

Aktar