Futbol internazzjonali
Malta megħluba mir-Russja minkejja prestazzjoni pożittiva

MALTA …………… 1

RUSSJA …………. 3

Malta: H. Bonello, K. Shaw, R. Camenzuli (M. Corbalan 86’), S. Borg, M. Guillaumier, J. Mbong, L. Montebello (A. Satariano 46’), A. Agius (K. Nwoko 88’), T. Teuma, J. Degabriele (P. Mbong 47’), B. Kristensen (S. Pisani 74’)

Russja: A. Shunin, M. Fernandes, V. Karavaev, A. Semenov, I. Akhmetov, D. Fomin (A. Miranchuk 57’), G. Dzhikiya, A. Golovin, A. Ionov (R. Zhemaletdinov 57’), A. Dzyuba (A. Sobolev 83’), D. Kuzyaev (A. Mostovoy 78’)

Referee: Peter Kjaersgaard (Danimarka)

Skorjaw: A. Dzyuba 23’, M. Fernandes 35’, J. Mbong 56’, A. Sobolev 90’

Minkejja prestazzjoni ferm pożittiva, t-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Devis Mangia beda l-avventura fit-Tazza tad-Dinja 2022 fil-Qatar b’telfa ta’ 1-3 f’Ta’ Qali kontra r-Russja. Ir-riżultat hu kiefer wisq mal-Maltin li għal ħinijiet twal qasmu l-logħob mal-avversarji iktar kwotati minnhom, bil-Maltin isofru gowls li setgħu ġew evitati b’iktar attenzjoni.

Bidu tajjeb u aggressiv tal-Maltin li bi pressing għoli ma tawx ċans lill-avversarji jirraġunaw. Fl-ewwel battuti l-inserimenti ta’ Camenzuli u Mbong bdew ikunu perikolużi għad-difiża Russa. Fis-16-il minuta l-ewwel tentattiv permezz ta’ Mbong, xutt ċentrali fil-baxx li kien salvat minn Shunin.

Doxxa kiesħa għall-Maltin f’nofs l-ewwel taqsima meta fl-ewwel azzjoni denja Russa kien il-captain Dzyuba li minn pożizzjoni regolari għeleb lil Bonello. Dan il-gowl kien daqqa ta’ ħarta għall-Maltin li żewġ minuti wara kienu salvati minn Bonello fuq xutt bomba ta’ Golovin.

Minkejja li l-Maltin ippruvaw jibqgħu propożittivi, ir-Russi issa kienu fil-kontroll tal-logħba u fit-32 minuta resqu qrib b’daqqa ta’ ras ta’ Dzyuba tgħaddi ftit għoli. Tliet minuti wara wasal it-tieni gowl meta Dzyuba żmarka lil Fernandes li minn pożizzjonai angolata għeleb lil Bonello b’xutt fil-baxx.

Fl-aħħar azzjoni tat-taqsima Golovin daħal tajjeb fil-kaxxa u għeleb il-ħarġa ta’ Bonello iżda Steve Borg salva l-periklu.

Fil-bidu tat-tieni taqsima żewġ bidliet minn Mangia fejn daħlu Satariano u Paul Mbong minflok Montebello u Degabriele u t-tim Malti deher iktar effettiv fl-attakk u fis-56 minuta kien Joseph Mbong li skorja ġmiel ta’ gowl b’xutt li spiċċa fis-saqaf tax-xibka.

Il-Maltin komplew jinsistu u xutt ta’ Teuma kien salvat minn Shunin. Ir-Russi wettqu reazzjoni u għal ftit m’approfittawx minn żball ta’ Bonello fis-67 minuta. Żewġ minuti wara opportunita’ għal Malta bix-xutt ta’ Teuma jmur ftit barra.

Malta komplew jattakkaw biex jiksbu l-gowl tad-dro u kienu kastigati fid-90 minuta permezz tas-sostitut Sobolev wara inċertezza fid-difiża Maltija.

Miktub minn...
Chris Cassar