Futbol internazzjonali
BIL-FILMAT: Malta ttemm l-impenji fil-grupp b’telfa ta’ 2-1 kontra n-Norveġja

GRUPP F

Malta………..1

Norveġja…..2

 

Malta temmet l-impenji tagħha fi Grupp F b’telfa kontra n-Norveġja f’Ta’ Qali bl-iskor ta’ 2-1. Din kienet l-għaxar telfa għal Malta kontra n-Norveġja, fejn il-Maltin qatt ma’ ħarġu rebbieħa mal-Iskandinavi, imma ġew darbtejn draw 1-1, fl-1961 u fl-1990. Din kienet logħba fejn il-Maltin pruvaw jinġabru mill-iskoss qawwi tat-telfa ta’ 7-0 kontra Spanja tlett ijiem qabel, imma ċertu żbalji reġgħu kienu l-kaġun li ma’ ħadu xejn minn din il-logħba.

Il-kowċ Malti Ray Farrugia, li deher li rkupra mid-daqqa f’rasu kontra Spanja fit-tieni taqsima, li ħallietu għal madwar 20 minuta b’rasu baxxuta jirċievi l-attenzjoni medika, għamel erba’ bidliet mill-ħdax li bdew fit-telfa kbira f’Cadiz il-Ġimgħa. Steve Borg, Paul Fenech, Michael Mifsud u Joseph Zerafa kienu l-erba’ plejers li kontra Spanja ma bdewxø il-logħba imma ħadu posthom fit-tim għal kontra n-Norveġja.

 

L-ewwel kwarta tal-logħba kienet ikkaratterizzata minn protesta mis-South End Core fejn apparti l-banners “Change the System!!” u “Rispett” ma kantawx u ma tawx is-sapport tagħhom lit-tim Malti. Dan wara dak li nqala’ fi Spanja l-Ġimgħa li għaddiet meta l-partitarji Maltin ħassew li kellu jkollhom aktar sapport mill-MFA wara li ma tħallewx idaħħlu bnadar fil-grawnd u żewġ persuni kienu arrestati mill-pulizija Spanjola.

In-Norveġiżi ma ħlewx ħin biex jiftħu l-iskor għaliex wara biss 6 minuti mill-bidu tal-logħba kienu diġa’ minn fuq. Il-cross ta’ Daehli mil-lemin qata’ għalkollox lid-difiża Maltija biex ġab lil Joshua King waħdu quddiem Bonello u għalkemm il-goalkeeper Malti salva l-ewwel tentattiv tan-Norveġiż, xorta ma kienx biżżejjed biex l-istess plejer jitfa’ fix-xibka mat-tieni ċans. Minn fuq il-lemin Daehli baqa’ jagħmel ħafna ħsara lill-Maltin fl-ewwel taqsima, bi crosses inċiżivi li iżda b’xi mod jew ieħor il-plejers ta’ Malta kellhom risposta għalihom. Qrib in-nofs siegħa logħob in-Norveġiżi għal ftit m’għamluhomx tnejn meta wara żball mill-Maltin, King infiltra fil-kaxxa mix-xellug iżda x-xutt finali angolat tiegħu għadda jħakkek mal-wieqfa. Ċans rari għal Malta fil-31 minuta meta Nwoko rnexxielu jdur u jgħaddi bejn żewġ difensuri Norveġiżi, iżda x-xutt finali tiegħu ħabat max-xibka minn barra. Fl-40 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, Malta għamlu l-iskor indaqs. Kien il-captain Mifsud li tefa’ cross mil-lemin, qata’ lid-difiża, daħal bħal vleġġa Paul Fenech li b’xutt fil-baxx għadda l-ballun minn bdejn saqajn Nyland u tefa’ fix-xibka għal 1-1.

 

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima n-Norveġiżi ħarġu jfittxu l-gowl tal-vantaġġ għal darb’oħra u s-sostitut Elabdellaoui mal-ewwel daħal fl-azzjoni għaliex għadda pass lejn Henriksen li x-xutt finali tiegħu kien imtajjar minn Bonello. Il-Maltin donnhom bdew jikbru fil-logħba aktar kemm għadda l-ħin, żiedu fil-pussess tal-ballun u bdew jieħdu l-inizjattiva. Il-kowċ Farrugia beda jemmen li forsi l-Maltin setgħu jagħmlu aħjar u saħansitra daħħal lil Effiong minflok Vella. Imma dak kollu li kien qed jinbena sar suf mal-61 minuta meta Svensson qassam lejn Berge li bi cross fil-baxx ġab lil Alexander Sørloth waħdu quddiem lasta vojta biex kulma kellu jagħmel kien li jżerżaq il-ballun ġewwa. Fis-66 minuta n-Norveġja ngħataw penalty meta Zach Muscat deher iwaqqa’ lil Sørloth imma fil-verità kienet deċiżjoni żbaljata tar-referee mill-Ażerbajġan għaliex id-difensur Malti l-ewwel tajjar il-ballun. Mill-11-il metru Henry Bonello żamm it-tamiet ta’ Maltin qawwija meta tar minn tulu u dawwar f’corner il-penalty ta’ Joshua King. Fit-82 minuta Agius resaq viċin tant li b’daqqa ta’ ras ħabbat il-ballun max-xibka minn barra wara freekick.

Wara bidu tal-ħolm għal Malta f’dan il-grupp fit-23 ta’ Marzu li għadda, meta bir-rebħa ta’ 2-1 kontra l-Gżejjer Faroe kienu ħafna li ttamaw u stennew li għall-ewwel darba fl-istorja ser jirnexxielna naqbżu t-tliet punti, minn logħba għall-oħra x-xenarju reġa’ ġie bħall-edizzjonijiet passati u għal darb’oħra Malta spiċċat fl-aħħar post tal-grupp.

Riżultat finali: Malta 1  Norveġja 2

Referee: Aliyar Aghayev (mill-Ażerbajġan)

 

Malta: Henry Bonello (GK), Steve Borg (Ferdinando Apap 74’), Andrei Agius, Joseph Mbong, Paul Fenech, Michael Mifsud (c), Kyrian Nwoko, Rowen Muscat (Nikolai Muscat 70’), Dunstan Vella (Alfred Effiong 60’), Joseph Zerafa, Zach Muscat

Norveġja: Ørjan Nyland (GK), Kristoffer Ajer, Tore Reginiussen (c), Joshua King (Fredrik Ulvestad 89’), Iver Fossum, Alexander Sørioth, Sander Berge, Jonas Svensson (Tarik Elyounoussi 64’), Birger Meling, Markus Henriksen, Mats Møller Daehli (Omar Elabdellaoui 46’)

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Parma 2   Frosinone 1 Parma ħallew sal-aħħar sekondi biex għaddew għar-round li jmiss tal-Coppa Italia meta kontra t-tim tas-Serie B, Frosinone, huma rebħu bl-iskor ta’ 2-1. Parma minn fuq fl-20…

Futbol internazzjonali

Il-Ħamis filgħaxija Everton keċċew lill-manager Marco Silva, inqas minn 24 siegħa mit-telfa fid-derby ta’ Merseyside kontra Liverpool. Bit-telfa kontra Liverpool, Everton waqgħu fiż-żona tar-relegazzjoni u bħalissa jinsabu t-tielet mill-aħħar. Marco…

Futbol internazzjonali

Sheffield UTD 0   Newcastle UTD 2 Newcastle ħadu xi ftit tan-nifs fil-Kampjonat Ingliż meta l-Ħamis filgħaxija għelbu lil Sheffield UTD 2-0. Kien Saint-Maximin li fetaħ l-iskor mal-kwarta logħob, u Jonjo…

Futbol internazzjonali

Sassuolo 1   Perugia 2 Diżappunt għal Sassuolo fil-Coppa Italia meta fir-Round tas-16 tilfu kontra Perugia 2-1. Sal-ewwel 17-il minuta Perugia kienu diġa’ 2-0 minn fuq b’gowls ta’ Mazzocchi u Nicolussi….

Aktar