Futbol lokali
Manchester United f’negozjati mal-MTA dwar kamp ta’ taħriġ f’Malta bejn Lulju u Awwissu li ġej

Possibbilment, Manchester United se jkunu qed iżuru Malta għall-kamp ta’ taħriġ ta’ ġimgħa.

Sorsi ta’ TVMSport mill-Premier League Ingliż ikkonfermaw li f’dawn il-jiem għaddejjin negozjati bejn il-klabb Ingliż u l-Malta Tourism Authority biex ir-Red Devils jiġu f’pajjiżna bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Lulju u l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu u jdumu f’pajjiżna għal bejn seba’ u 10 t’ijiem.

TVMSport għamel kuntatt mal-uffiċju tal-komunikazzjoni ta’ Manchester United li min-naħa tagħhom ikkonfermaw ukoll din l-aħbar u li fil-mument qed jiddiskutu mal-MTA dwar pjan li jagħmel sens għal kulħadd.

L-istess uffiċju kkonferma ma’ TVMSport li l-uniku ħaġa li jinsabu mħassbin fuqa hi dik tal-COVID-19. U dan minħabba l-ivjaġġar tat-tim kollu, lukandi u x’se jkun permess f’dak iż-żmien jekk kemm-il darba l-pandemija f’pajjiżna tibqa’ attiva.

Kemm idumu f’pajjiżna, Manchester United se jkunu qed jitħarrġu fil-Hibernians Stadium, f’Kordin, u anki jilagħbu żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra żewġ timijiet ewlenien tal-kampjonat BOV Premier.

L-entità tat-turiżmu ta’ Maltija, visitmalta.com, ilha waħda mill-isponsors uffiċjali ta’ Manchester United għal aktar minn sena u nofs, b’diversi reklami fil-madwar tal-istadium Old Trafford, kull meta t-tim jilgħab partita f’daru.

Fil-media soċjali ta’ Manchester United, bħal facebook, instagram u twitter, jidhru fihom il-logo ta’ visitmalta.com, b’mod konsistenti flimkien ma’ diversi avvenimenti tal-klabb li jsiru f’kontinenti differenti madwar id-dinja fejn fihom ikunu nvoluti diversi leġġendi tal-klabb ta’ fama mondjali.

TVMSPort jista’ jikkonferma wkoll li Manchester United kienu diġà ġejjin f’Malta f’Awwissu tas-sena li għaddiet iżda minħabba l-problema tal-COVID-19, ma ngħatawx permess biex joħorġu mill-Ingilterra.

Jekk dan il-kamp ta’ taħriġ iseħħ, ikun ifisser li Manchester United se jkunu ġew f’Malta għall-ħames darba fl-Istorja tagħhom.

Huma kienu ġew għall-ewwel darba fl-1961 u lagħbu f’partita ta’ ħbiberija kontra Malta X1; fl-1967 f’partita valida mill-kompetizzjoni tat-Tazza tat-Tazzi u lagħbu kontra Hibernians; fl-1987 kienu lagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Naxxar Lions u l-aħħar darba li kienu ġeww kien fl-2000 u lagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Birkirkara.

Miktub minn...
TVM Sport