Futbol internazzjonali
Manchester United u Villarreal fil-finali tal-Europa League

Villarreal u Manchester United se jiltaqgħu fil-finali tal-Europa League li se tintlagħab fis-26 ta’ Mejju fil-belt Pollakka ta’ Gdansk.

Villarreal kisbu draw ta’ mingħajr gowls fl-Emirates Stadium ta’ Londra kontra Arsenal biex għaddew bis-saħħa tar-rebħa li kellhom 2-1 fl-ewwel leg fi Spanja.

Għal Manchester United is-sodda kienet diġa’ mifruxa wara s-suċċess ta’ 6-2 f’Old Trafford, biex minkejja t-telfa ta’ 3-2 fit-tieni leg fi Stadio Olimpico, ir-Red Devils għaddew b’aggregate ta’ 8-5.

Il-logħba f’Londra bejn Arsenal u Villarreal kienet ferm bilanċjata u bi ftit emozjonijiet fejn Arsenal l-iktar li resqu qrib kien permezz ta’ Aubameyang  fit-28 minuta bix-xutt tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta, bl-istess plejer ikun sfortunat fit-78 minuta meta d-daqqa ta’ ras tiegħu ħabtet mal-lasta.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal-logħba bejn Roma u Manchester United, logħba spettakolari b’diversi ċansijiet ta’ skor fejn ir-rebħa tal-Giallorossi setgħet kienet ukoll waħda ikbar.

Manchester United fetħu l-iskor fid-39 minuta permezz ta’ Cavani, iżda f’temp ta’ tliet minuti fit-tieni taqsima Roma dawru l-iskor b’daqqa ta’ ras ta’ Dzeko fis-56 minuta u xutt sabiħ ta’ Cristante tliet minuti wara.

Wara li fallew diversi ċansijiet ta’ skor Roma kienu kastigati fit-68 minuta għal darb’oħra permezz ta’ Cavani li skorja b’daqqa ta’ ras biex Roma kisbu l-gowl rebbieħ seba’ minuti mit-tmiem b’xutt ta’ Zelewski mxellef għal ġewwa mid-difensur Telles.

Miktub minn...
Chris Cassar