Futbol internazzjonali
Manchester Utd jiskurjaw erbgħa, Ronaldo tnejn minnhom

Premier League Ingliż: Diversi partiti li ntlagħbu llum wara nofsinhar.

Manchester United b’rebħa kbira f’darhom kontra Newcastle bi skor ta’ 4-1, b’Cristiano Ronaldo li brilla b’żewġ gowls fid-debutt tiegħu lura f’Old Trafford. Il-Portugiż jiftaħ l-iskor ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima. Manquillo jġib id-draw għal Newcastle fis-56 minuta. Iżda Ronaldo jerġa jitfa’ lir-Red Devils fil-vantaġġ fit-62 minuta. Manchester United jagħlqu l-partita b’gowl ta’ Bruno Fernandes fit-80 minuta. Jesse Lingard jiskurja r-raba’ gowl fil-ħin miżjud.

Manchester City jegħlbu lil Leicester barra minn darhom bi skor ta’ 1-0. Il-gowl tal-partita jiskurjaħ Bernardo Silva fit-62 minuta.

Crystal Palace jegħlbu lil Tottenham f’partita bejn żewġ timijiet ta’ Londra. Il-gowls kollha fit-tieni taqsima. Zahar jiftaħ l-iskor minn penalty fis-76 minuta wara li iktar kmieni tkeċċa Tanganga għal Tottenham. Crystal Palace jirduppjaw b’gowl ta’ Edourd fl-84 minuta u l-istess plejer jagħmilhom tlieta fit-93 minuta.

Arsenal jegħlbu f’darhom lil Norwich bi skor ta’ 1-0. Il-gowl tal-partita jiskurjaħ Aubumayang fis-66 minuta.

Fil-partiti l-oħra: Brighton jegħlbu lil Brentford barra minn darhom bi skor ta’ 1-0; draw ta’ mingħar gowls bejn Southampton u West Ham United; u Wolves jirbħu barra minn darhom lil Watford bi skor ta’ 2-0.

Miktub minn...
TVM Sport