Futbol lokali
ARA: Mangia: “Kuntent bl-attitudni tal-plejers tiegħi”

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia deher kuntent wara li t-tim tiegħu żamm lis-Slovakkja fi dro ta’ 2-2.

Mangia kien qed jgħaddi l-fehmiet tiegħu waqt il-konferenza stampa li seħħet eżatt wara l-partita fejn qal li hu kien kuntent bl-attitudni tat-tim speċjalment fl-ewwel taqsima meta skorjaw żewġ gowls fi spazju ta’ erba’ minuti.

Minkejja kollox, fit-tieni taqsima t-tim tilef xi dwelli ferm importanti speċjalment wara l-għoti ta’ korners u frikiks min-naħa tal-avversarji u dan kollu kien determinanti sabiex waslu l-gowls tas-Slovakki.

Fl-istess waqt, Mangia sostna li t-tim kien kapaċi jissapporti l-attakki li bdew iwettqu s-Slovakki għalkemm xorta waħda baqgħu jżommu l-kalma sa tmiem il-partita.

Finalment il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti qal li issa bħala tim se jipprova jirkupra wara dawn iż-żewġ logħbiet fi spazju ta’ ftit ġranet sabiex ikun lest għall-konfront ieħor barra minn daru kontra l-Kroazja.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'