Futbol internazzjonali
“Maradona l-aqwa plejer iżda bl-agħar karattru possibbli” – Edgardo Codesal

Edgardo Codesal, l-uffiċjal li kien irreffja l-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-Italja fl-1990 bejn il-Ġermanja u l-Arġentina, tkellem għall-ewwel darba dwar dik il-finali u dwar Diego Armando Maradona.

Codesal qal li f’ħajtu ra lil Maradona jagħmel affarijiet bil-ballun li l-ebda plejer qatt ma għamel iżda mill-esperjenza li għandu tiegħu fil-pitch, l-ex numru 10 tal-Arġentina għandu karattru ikrah ħafna u mhux ta’ eżempju għall-plejers oħra.

Codesal qal li kellu jkeċċi lil Maradona qabel ma kienet bdiet dik il-finali għaliex waqt l-innijiet nazzjonali insulta lil sezzjoni ta’ partitarji ta’ Stadio Olimpico li bdew isafru għall-innu tal-Arġentina.

Codesal qal li dakinhar, qabel ma bdiet il-finali li ntrebħet mill-Ġermanja b’gowl minn penalty ta’ Brehme, qal li kien tkellem ma’ Maradona u qallu li hu l-aqwa plejer fid-dinja u li għandu jikkonċentra biss fuq il-partita.

Iżda skont Codesal, Maradona xorta għamel ta’ rasu u baqa’ moħħu fil-pubbliku u jinsulta lura lil kull min insultah.

Miktub minn...
TVM Sport