Motorsport
Marc Marquez jirritorna għat-tlielaq fil-Portugall

Is-sitt darbiet champion tad-dinja fil-Moto GP, Marc Marquez, irritorna fit-trakka, ftit sigħat qabel ma jibdew il-provi għall-Grand Prix tal-Ħadd li ġej fil-Portugall.

Marquez ilu għaddej minn problemi f’idejh il-leminija sa minn Lulju tas-sena l-oħra, meta dakinhar, fl-ewwel Moto GP tal-istaġun li sar f’Jerez, ikkraxxja bil-mutur u kiser idu u driegħu l-lemini. L-ewwel operazzjoni li saritlu falliet meta Marquez ipprova jtellaq ġimgħa wara fl-istess ċirkwit. Mat-tieni operazzjoni l-għadma ma rnexxiliex tgħaqad u għaldaqstant l-Ispanjol kellu bżonn it-tielet operazzjoni f’Diċembru li għadda.

Is-sewwieq tar-Repsol Honda li għandu 28 sena, tilef l-ewwel żewġt itlielaq ta’ dan l-istaġun li saru fil-Qatar, u issa ser jirritorna fil-Portugall. Marc Marquez qal li għadu qed jirkupra minn dak kollu li għadda minnu, imma dan huwa pass kbir ‘il quddiem. Sostna li ma kellu l-ebda tragward għall-ewwel tellieqa li ser jieħu sehem fiha, ħlief li jrid iħossu kuntent li qed jerġa’ jsuq mutur.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA