BOV Premier League 2021/22
Marcelo Dias l-ispirazzjoni fl-ewwel rebħa Gudjana

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/22

Sliema Wanderers……..2

Gudja United…………….3

Gudja United kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta dawru telfa f’rebħa u għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet partita fejn Gudja studjaw sew lill-avversarji tagħhom li wettqu xi żbalji difensivi li swewlhom qares.

L-ewwel azzjoni tal-partita ħolquha Sliema fit-8 minuta meta kien hemm kross mix-xellug bil-ballun jasal għand Valmir Berishia li llobbja tajjeb iżda Glenn Zammit kien attent.

Minkejja kollox, kienu Gudja li marru fil-vantaġġ fid-19-il minuta fl-ewwel azzjoni serja tagħhom. Kien Abdul Temitope li rċieva l-ballun u fajjar xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li ħasad lil Timothy Aquilina bejn il-lasti Slimiżi.

Kienet ferħa bla temma għax Sliema Wanderers dlonk ġabu l-iskor indaqs. Kien Miguel Fernandes li wara żball difensiv sab il-ballun ma’ saqajh u wiċċ imb’wiċċ ma’ Zammit mattar siequ u skorja l-gowl tad-dro.

Fl-34 minuta kien Marcelo Dias għal Gudja li fajjar xutt tajjeb minn barra l-kaxxa li spiċċa barra.

Iżda reġgħu kienu Sliema li skorjaw meta kien hemm kross mix-xellug ta’ Gabriel Aquilina bil-ballun li jasal għand Valmir Berishia li b’xutt b’saħħtu ħalla ssopriż lil Zammit 2-1 u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Gudja bdew bl-aħjar mod it-tieni taqsima hekk kif skorjaw il-gowl tad-dro meta kien Marcelo Dias li ħa ballun fi tliet kwarti tal-grawnd, ġera ġirja tajba u fajjar xutt li faqa’ x-xibka.

Sliema bħal donnhom tħawdu u dabbru t-tielet wieħed meta l-eks tal-partita Ruslan Kisil rċieva tajjeb mingħand Marcelo Dias u b’xutt fil-baxx għeleb lil Aquilina bil-ballun jgħaddi minn taħt idejn il-gowlkiper Slimiż.

Fil-71 minuta, Gudja United ipprotestaw għal penalty meta kien hemm difensur Slimiż li seta’ mess il-ballun b’idu bir-referi li ħalla l-logħob għaddej.

Minkejja kollox, kienu Gudja li baqgħu kkonċentrati sabiex setgħu jiċċelebraw l-ewwel rebħa tagħhom. B’kuntrast Sliema għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa staġjonali u agħar minn hekk jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Riżultat finali: Sliema 2 Gudja 3

BOV Plejer tal-Logħba kien Marcelo Dias ta’ Gudja United.

Referi: Andrea Schiriha

Formazzjonijiet:

Gudja United: Glenn Zammit, Louis Beland-Goyette, Rodolfo Soares, Gabriel Mensah, Ruslan Kisil, Hubert Vella, Llywelyn Cremona (Tensior Guzman 56 min), Igor Dudarev, Neil Anthony Micallef, Temitope Abdul (Filip Pankarican 56 min), Marcelo Dias.

Sliema: Timothy Aquilina, Kurt Shaw, Gabriel Aquilina, Gul Inters, Miguel Fernandes, Edmond Agius (Sebastian Grech 46 min), Danny Holla (Pablo Morales 65 min), Myles Beerman (Omar Elouni 65 min), Julius Bliek, Dejan Vukovic (Jake Engerer 88 min), Valmir Berishia.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.