Futbol internazzjonali
Marcelo jitħalla jivvjaġġa lejn Londra wara li voluntier jeħodlu postu fl-elezzjonijiet reġjonali

Id-difensur laterali ta’ Real Madrid, Marcelo, ġietu tajba, hekk kif tħalla jitlaq minn superviżur tal-elezzjonijiet reġjonali fi Spanja.

Ftit tal-jiem ilu Marcelo kien magħżul mill-awtoritajiet ta’ Madrid bħala superviżur fis-subborg ta’ La Moraleja f’Madrid, fl-elezzjonijiet reġjonali li qed isiru fil-pajjiż. Real Madrid kienu talbu formalment li Marcelo jkun skużat minħabba li dakinhar it-tim kien ser jivvjaġġa lejn Londra, imma l-awtoritajiet m’aċċettawx. Skont il-kamra tal-aħbarijiet La Sexta, kien partitarju ta’ Real Madrid li offra ruħu sabiex jieħu post Marcelo ħalli l-plejer ikun jista’ jivvjaġġa mal-bqija tal-plejers.

Fortunatament għall-plejer u għall-klabb, huwa kien mibgħut id-dar ftit minuti wara li fetħu l-kmamar tal-votazzjoni, u allura seta’ jivvjaġġa ma’ sħabu lejn l-Ingilterra biex illejla jaffaċċja lil Chelsea.

Għalkemm imwieled il-Brażil, l-erba’ darbiet champion tal-UEFA Champions League, ħa ċ-ċittadinanza Spanjola fl-2011. Din hija prassi normali fi Spanja sabiex it-tim ma jaqbiżx il-limitu ta’ plejers barranin li jista’ jkollu minbarra l-Unjoni Ewropea. Fi Spanja, kulmin ismu jkun imniżżel fuq ir-Resġistru Elettorali, jista’ jintgħażel biex jassisti fl-elezzjonijiet reġjonali u anke ġenerali, fejn il-ħlas huwa biss ta’ €65.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA