Futbol internazzjonali
Marcos Alonso ser jagħmel bħal Wilfried Zaha … daqshekk ser jinżel għarkupptejh mas-suffara inizjali tar-referee

Id-difensur ta’ Chelsea Marcos Alonso m’għadux qed jinżel għarkupptejh mas-suffara inizjali tar-referee, għax skontu dan il-ġest qed jitlef is-saħħa tiegħu. Fix-xhur li għaddew, speċjalment fir-Renju Unit, drajna naraw lill-plejers li mas-suffara inizjali tar-referee jinżlu għal ftit sekondi għarkupptejhom b’messaġġ kontra r-razziżmu.

Biss Alonso, li għandu 30 sena, qal li jippreferi jibqa’ bilwieqfa u jipponta subgħu lejn il-badge li jkollu mal-komma tal-flokk bil-kliem “No Room for Racism.”

Marcos Alonso ma kienx l-ewwel plejer li waqaf milli jinżel għarkupptejh mas-suffara inizjali. Qablu kien hemm il-winger ta’ Crystal Palace Wilfried Zaha li ddeċieda li ma jibqax jagħmel l-istess ġest bħal sħabu fl-ewwel sekondi ta’ konfront.

Kien f’Ġunju 2020 li għall-ewwel darba l-plejers niżlu għarkupptejhom mas-suffara inizjali, u dan bħala sapport għall-moviment Black Lives Matter. Qabel beda dan l-istaġun 2021/22 il-plejers ikkonfermaw li ser jibqgħu jagħmlu l-istess ġest, imma kien hemm xi plejers oħra li ma qablux mal-ġest li qed jagħmlu. Wilfried Zaha qal li l-plejers m’għandhomx jinżlu għarkupptejhom, anzi, għandhom jibqgħu dritti bilwieqfa biex juru li huma kontra r-razziżmu. Skont Zaha, l-att li qed jinżlu għarkupptejhom, fih innifsu huwa degradanti.

Kemm Zaha kif ukoll Alonso kkonfermaw li huma jissapportjaw bil-qawwa kollha l-ġlieda kontra r-razziżmu, imma jippreferu li jużaw mezzi oħra biex juru dan milli jinżlu għarkupptejhom.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA