Futbol lokali
Mario Muscat jista’ jinħatar kowċ ta’ Senglea Athletic FC fis-sigħat li ġejjin; l-ex plejer nazzjonali Darren Debono fil-Kumitat

Mario Muscat, l-ex gowlkiper nazzjonali u kowċ ta’ Qormi FC, jista’ jinħatar kowċ ta’ Senglea Athletic FC fis-sigħat li ġejjin.

TVM Sport jista’ jikkonferma din l-aħbar hekk kif persuni Qriema midħla sew tal-klabb, ikkonfermaw li llejla hemm skjedata laqgħa bejn Victor Camilleri, il-President ta’ Qormi FC u l-kowċ tiegħu.

F’din il-laqgħa, Muscat mistenni jitlob li jinħall mill-kuntratt tiegħu biex mill-ġdid jerġa’ jikkowċja fil-kampjonat BOV Premier. Minbarra Senglea Athletic FC, jista’ jkun li hemm klabb ieħor tal-Premier interessat f’Muscat.

Jidher li l-klabb ta’ Senglea Athletic FC se jibda jinvesti bis-serjetà biex isaħħaħ l-iskwadra għall-istaġun il-ġdid.

Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret ilbieraħ ġie ppreżentat il-Kumitat il-ġdid għall-istaġun li ġej.

Fost il-persuni fuq il-mejda jindirizzaw il-Laqgħa kien hemm l-ex plejer ta’ Valletta u tat-tim nazzjonali Malti Darren Debono. L-ex difensur nazzjonali lagħab snin twal fil-futbol Malti u internazzjonali u għandu esperjenza kbira tal-plejers lokali kollha u tal-mod kif jitmexxa l-futbol mil-lat professjonali.

Debono hu ħabib intimu tal-President Dr Rueben Debono u proprju ta’ Mario Muscat, li jista’ jkun il-kowċ il-ġdid.

Ikkuntattjat minn TVM Sport, Dr Rueben Debono, President ta’ Senglea Athletic ikkonferma l-aħbar ta’ Darren Debono u kkonferma wkoll l-interess f’Mario Muscat.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Enrico Pepe, l-ex fidensur ta’ Floriana u Hamrun Spartans, mil-lum sar plejer ta’ Birkirkara. Id-difensur Taljan iffirma kuntratt ta’ tliet snin. Pepe hu wieħed mill-aqwa difensuri li hawn fil-futbol Malti….

Futbol lokali

It-tliet Viċi Presidenti attwali tal-Malta Football Association reġgħu ġew nominati mill-klabbs u l-Assoċjazzjonijiet Membri biex jikkontestaw l-elezzjoni li se ssir fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-20 ta’ Lulju. TVM Sport jinsab infurmat…

Futbol lokali

Alfonso Greco, il-kowċ Taljan li fil-passat kien diġà f’Malta, se jirritorna ma’ Sliema Wanderers. Greco mistenni jasal f’Malta matul din il-ġimgħa. Greco, ta’ 51 sena, se jkun qed jieħu post…

Aktar