Sport Lokali
Mark Gauci jirbaħ il-Major tal-Italja u riżultati inkoraġġanti għall-parteċipanti l-oħra

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ingħata bidu għall-kompetizzjonijiet internazzjonali tat-Table Football. Fis-Sala Palasavena San Lazzaro ġie organizzat il-Major tal-Italja – Bolonja 2021.

Il-kompetizzjonijiet individwali saru s-Sibt fejn fil-kategorija Open kien hemm tliet plejers ta’ Valletta Subbuteo Club jieħdu sehem: Mark Gauci, Christophe Dheur u Ludovic Ponthieux.

Ludovic Ponthieux għadda l-fażi tal-gruppi u safa eliminat fil-barage kontra Gasparini 1-2. Christophe Dheur kellu turnew tajjeb u rebaħ il-logħob kollu tal-fażi tal-gruppi. Dheur wasal sal-kwartifinali, meta tilef kontra l-plejer tal-istess tim tiegħu, Mark Gauci fil-ħin barrani.

Gauci għadda għall-finali u ħareġ rebbieħ kontra l-Grieg Dimitri Dimopolis. Kienet finali missielta sal-aħħar wara li l-logħba spiċċat 1-1 u baqgħet l-istess fil-ħin barrani. Il-konfront mbagħad ġie deċiż bix-‘shots’.

Parteċipant ieħor kien Mario Camilleri fil-kategorija tal-veterani. Camilleri għadda mill-fażi tal-gruppi b’riżultati tajbin. Camilleri wasal sar-Rawnd tas-Sittax fejn tilef kontra Luca Bisio 1-2.

Fil-kategorija tat-timijiet, Valletta Subbuteo Club kien iffurmat minn Derek Conti(c), Mario Camilleri, Mark Gauci, Christophe Dheur u Ludovic Ponthieux. Fil-fażi tal-gruppi kellhom dawn ir-riżultati:

Valletta Subbuteo Club  3-0  Virtus 4 Strade Rieti

Valletta Subbuteo Club  1-2  Perugia SC

Valletta Subbuteo Club  4-0  Bologna Tigers 2

Fil-kwartifinali, Valletta Subbuteo Club sfaw megħluba minn Bologna Tigers, 1-2.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA