Futbol lokali
Mark Miller sigħat ‘il bogħod milli ma jibqax kowċ ta’ Balzan

Dawn jistgħu jkunu l-aħħar sigħat ta’ Mark Miller bħala kowċ ta’ Balzan. Nhar it-Tnejn li għadda TVMSport semma lill-kowċ Miller bħala wieħed mill-kowċis li seta’ jitneħħa l-ewwel f’dan l-istaġun wara l-wirjiet xejn pożittivi ta’ Balzan fil-kampjonat.

S’issa Balzan ħadu żewġ rebħiet, it-tnejn li huma bi skor minimu ta’ 1-0. Huma rebħu l-ewwel konfront tal-istaġun f’Awwissu li għadda kontra Sliema Wanderers, imbagħad kellhom jistennew ftit aktar minn xahar biex f’Settembru rebħu liċ-champions renjanti Ħamrun Spartans. Minbarra dawk iż-żewġ rebħiet, il-Balzanin sofrew erba’ telfiet, kontra Valletta, Birkirkara, Mosta u Floriana. Diġà qed iduru xnigħat li sal-logħba li jmisshom Balzan kontra Gżira United tlett ijiem oħra, Miller mhux ser ikun għadu qed imexxi lit-tim.

Minn informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha li ġabar TVMSport, jidher li s’issa għadu xejn mhu deċiż għaliex il-kumitat għadu jrid jiltaqa’ mal-kowċ Mark Miller, bit-tama li jintlaħaq kompromess sabiex iż-żewġ partijiet imorru f’naħat differenti. Biss jidher li Balzan qed jitkellmu ma’ numru ta’ kowċis li fil-preżent jinsabu bla klabb, kemm Maltin kif ukoll barranin. Mhuwiex eskluż li l-kowċ li jmiss ta’ Balzan jista’ jkun Serb, biss xorta waħda l-għażla tista’ taqa’ fuq kowċ Malti. Fil-preżent, Paul Zammit, Jesmond Zerafa, Branko Nisevic u Jacques Scerri jinsabu mingħajr klabb, b’Scerri diġà mexxa lil Balzan bejn l-2019 u l-2020.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA