Ibburdjar MiddleSea
Maserati jieħu l-line honours fl-edizzjoni 2020 tar-Rolex Middle Sea Race

Il-jott Taljan Maserati ħa l-line honours fl-edizzjoni 2020 tar-Rolex Middle Sea Race.

F’wieħed mill-iżjed tmiem eċċitanti fl-istorja tat-tellieqa klassika, Maserati tal-iskipper Taljan Giovanni Soldini qasam il-linja tat-tmiem f’Marsamxett fit-8 u 41 minuta tal-lejla: għal ħin totali ta’ jumejn, 8 sigħat u 31 minuta.

Ħmistax-il minuta biss warajh daħal il-jott multihull l-ieħor Mana, Taljan ukoll taħt l-iskipper Brian Thomson, wara battalja mill-qrib tul ir-rotta ta’ 606 mili nawtiċi mill-Port il-Kbir, mad-dawra ta’ Sqallija u l-gżejjer ta’ Pantelleria u Lampedusa, u lura Malta fil-Port ta’ Marsamxett.

Tibqa’ miftuħa intant il-battalja għar-rebbieħ overall, bil-parti l-kbira tal-flotta sat-Tnejn filgħaxija kienet għadha lanqas biss daret mal-gżejjer ta’ Favignana fil-majjistral ta’ Sqallija.

Sa Stromboli kien fuq quddiem bil-corrected time il-jott Belġjan Balthasar.

L-ewwel fost il-jottijiet Maltin kien ir-rebbieħ tas-sena li għaddiet Elusive 2 tal-co-skippers Aaron u Christoph Podesta.

Miktub minn...
Rodney Vassallo