Bowling
Matthew Magro jirbaħ t-tournament tal-Masters

Il-plejer tat-Tenpin Bowling Matthew Magro ta ’19-il sena rebaħ  it-tournament lokali tal-Masters. Magro kkwalifika direttament fl-aħħar stadji bħala t-tielet seed flimkien maċ-Champion Nazzjonali Mauro Anastasi, ir-rebbieħ tal-Masters tas-sena l-oħra Mark Spiteri u ċ-Champion ta’ taħt is-16-il sena Nicholas Muscat. Ma dawn ingħaqdu Dennis Mercieca, Kayden Lagana’, Sara Xuereb, Neil Sullivan, Melissa Swift u Rankin Camilleri li għamluha fl-aħħar stadji permezz tal-ewwel 2 rawnds ta’ kwalifikazzjoni.

Dawn l-10 plejers lagħbu 5 logħbiet oħra, biex jiddeterminaw l-ewwel 6 li kienu se jilagħbu fil-finali. Magro spiċċa fl-ewwel post b’medja ta’ 206.8 quddiem Anastasi, b’Lagana’ ta’13 -il sena fit-tielet post. Swift spiċċat fir-4 post segwita minn Spiteri u Muscat.

L-1, ir-4 u s-6 lagħbu kontra xulxin fi grupp wieħed, filwaqt li t-2, it-3 u l-5 kienu fit-tieni grupp. F’din id-direct clash, il-persuna bl-inqas score wara kull logħba tkun eliminata. Grupp 1 ra lil Muscat jiġi eliminat l-ewwel, waqt li fit-tieni logħba, Magro għeleb lil Swift 203-181. Grupp 2 ra lil Anastasi jitlef wara l-ewwel logħba, bit-tieni logħba tkun ferm viċina bejn Lagana u Spiteri. Lagana mar fil-vantaġġ lejn it-tmiem, iżda “split” kiefer ta’ 7-10 għal Lagana fuq dak li deher xutt mill-aqwa fisser li Spiteri mexa għall-finali b’1 pin, 213-212.

Il-finali tal-logħba bejn Magro u Spiteri kienet saħansitra eqreb. Spiteri ħa vantaġġ meta beda tajjeb ħafna, iżda ġie rkuprat b’finali kbir ta’ strajk wara l-ieħor minn Magro biex iġiegħel lil Spiteri jikseb 9 pinnijiet fl-aħħar frame. Spiteri l-ewwel laqat 8 u mbagħad inkredibilment ma laqatx it-2 pinnijiet biex jispiċċaw draw 225-225 , u b’hekk kellhom bżonn ta’ 2 frame roll off biex jiddeterminaw ir-rebbieħ. Spiteri kien l-ewwel li tefa’, iżda fetaħ il-bieb għal Magro bi frame miftuħ. Magro ħa vantaġġ sħiħ biex jitfa l-istrajk finali u għeleb lil Spiteri b’1 pin fuq dawn iż-2 frames.

B’din ir-rebħa, Magro jkompli l-bidu qawwi tiegħu għall-2021, wara li kkwalifika wkoll biex jirrappreżenta lit-tim ta’ Malta fil-Kampjonati Mediterranji li ġejjin ma’ Lagana, Sue Abela u Cynthia Frendo Duca.

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.