Formula 1
Max Verstappen jingħata t-tort tal-inċident fil-Grand Prix ta’ Monza

L-Olandiż Max Verstappen ser jibda minn tliet postijiet lura fil-Grand Prix ta’ Sochi, ir-Russja, aktar tard dan ix-xahar. Dan wara li lbieraħ, fit-tellieqa ta’ Monza, ingħata t-tort għall-inċident bejnu u bejn Lewis Hamilton fis-26 lap.

Il-Brittaniku Hamilton ħareġ mill-pits wara l-ewwel pit stop tiegħu, b’Verstappen kien ġej fid-dritta finali, biss ma qabiżx lill-avversarju tiegħu minħabba li l-pit stop tiegħu damet aktar milli mistenni. Għall-ewwel kantuniera kienu ras imb ras, b’Verstappen deher jibqa’ dieħel fuq ġewwa, u saħansitra spiċċa bil-karroza fuq ta’ Hamilton.

Minħabba dan l-inċident it-tnejn kellhom jirtiraw mit-tellieqa, b’Hamilton jgħoddha b’waħda li ma weġġgħax wara li t-tyre lemini ta’ wara tar-Red Bull mess mal-helmet tal-Brittaniku.

Eżatt wara l-inċident iż-żewġ sewwieqa ppuntaw subgħajhom lejn xulxin, bil-materja ġiet diskussa mill-istewards wara t-tellieqa. Verstappen u Hamilton dehru quddiem l-istewards, u wara sigħat jiddeliberaw ġie deċiż li l-Olandiż kellu t-tort fl-inċident u weħel il-penalità. Minbarra li ser jibda fi tliet postijiet lura minn dak li jikseb fil-kwalifikazzjoni uffiċjali, Verstappen ingħata 2 punti penalità.

Jidher li d-deċiżjoni tal-istewards kienet imsejsa fuq il-fatt li l-karozza ta’ Verstappen fl-ebda ħin ma kienet quddiem ta’ Hamilton, u li l-inċident seħħ għaliex l-Olandiż ibbrejkja tard fil-kantuniera.

Skont il-kap tar-Red Bull Christian Horner, filwaqt li kkonferma li t-tim jaċċetta d-deċiżjoni tal-istewards, irrimarka li dak li seħħ kien inċident waqt tellieqa, u allura jħossu li l-penalità tal-istewards kienet pjuttost ħarxa. Madanakollu, Horner ikkonferma li ma kenux ser jappellaw mid-deċiżjoni.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA