Formula 1
Max Verstappen jirbaħ fl-Istati Uniti u jkabbar id-distakk minn ma’ Hamilton għal 12-il punt

Is-sewwieq tar-Red Bull Max Verstappen rebaħ il-Grand Prix tal-Istati Uniti, f’taqtiegħa mill-isbaħ maċ-champion renjanti Lewis Hamilton. Qabel bdiet it-tellieqa l-Olandiż kellu sitt punti vantaġġ fuq il-Brittaniku, vantaġġ li rdoppja wara li ntemmet it-tellieqa f’Austin, Texas.

Għalkemm Hamilton telaq mit-tieni post, huwa rnexxielu jaqbeż lil Verstappen wara l-ewwel ftit metri, imma l-istrateġija tar-Red Bull dehret li ħadmet aktar għaliex finalment l-Olandiż temm 1.333 sekondi quddiem il-Brittaniku. Il-Messikan Sergio Perez daħal fit-tielet post.

B’hekk Max Verstappen ħa t-tmien rebħa matul dan l-istaġun, b’Charles Leclerc fuq Ferrari jtemm fir-raba’ post, segwit mill-Awstraljan Daniel Ricciardo fuq il-McLaren u l-Finlandiż Valtteri Bottas fuq il-Mercedes.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA