Sports Internazzjonali
Maxim Abramov, l-iskateboarder bla saqajn

Maxim Abramov, tifel Russu ta’ 10 snin, sar popolari mil-lejl għan-nhar wara li l-leġġenda tal-iskateboarding Tony Hawk tefa’ video ta’ dan it-tfajjel fuq Instagram. F’temp ta’ ftit sigħat in-numru ta’ persuni li jsegwu lil Abramov fuq Instagram sploda u dan minħabba li dan it-tifel huwa bla saqajn imma xorta waħda jipprattika dan l-isport.

Il-kowċ tat-tfajjel, Pavel Mushkin, iffilmja lill-iskater waqt it-taħriġ, u żgur li dan l-isport qiegħed jgħin lil Abramov jirkupra mit-traġedja li għadda minnha meta kien għad kellu 18-il xahar. Kienet is-sena 2011 meta s-sodda li kien fuqha Maxim ħadet in-nar u għalkemm dakinhar kien salvat mill-mewt, b’konsegwenza tal-ħruq li ġarrab spiċċa bla riġlejn. Dan l-inċident ingħata prominenza qawwija fir-Russja u aktar tard, l-omm bioloġika tat-tifel kienet instabet ħatja ta’ negliġenza u tilfet id-dritt fuq binha minħabba din it-traġedja.

Aktar tard, Maxim Abramov kien adottat minn familja li toqgħod f’San Pietruburgu u issa l-għan tiegħu hu li jsir skateboarder professjonali. Skont l-istess Maxim, l-ewwel darba li uża l-iskateboard kien sabiex imur minn post għall-ieħor għaliex beda jinduna li qiegħed iweġġa’ inqas minn meta kien qed jilbes is-saqajn prostetiċi li għamlulu. Biss, darba fost l-oħrajn mar ġo skate park u hemmhekk kien avviċinat minn kowċ li xtaqu jibda jmur għat-taħriġ u llum jinsab jitħarreġ ta’ kuljum biex jilħaq l-għan tiegħu. Abramov għandu tama qawwija li ma jdumx sabiex ikun jista’ jirrappreżenta lil pajjiżu fil-Logħob Paraolimpiku, għalkemm s’issa l-iskateboarding mhuwiex inkluż f’dawn il-logħob.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Sports Internazzjonali

Ice Hockey: L-ex goalkeeper ta’ Chelsea, Arsenal u r-Repubblika Ċeka Petr Cech kien protagonista f’partita ice hockey li hu ddebutta fiha fir-raba’ diviżjoni bejn Guilford Phoenix u Swindon Wilcats 2…

Formula 1

Fil-Ġappun, il-Mercedes rebħu s-sitt kampjonat konsekuttiv tal-kostrutturi wara li s-sewwieqa tagħhom spiċċaw l-ewwel u t-tielet, bil-Ferrari jkollhom tellieqa oħra pjuttost diżappuntanti wara li Vettel u Leclerc telqu mill-ewwel żewġ postijiet…

Formula 1

It-tifun Hagibis m’affettwax biss it-Tazza tad-Dinja tar-Rugby imma anke l-Fornula 1. Sa mill-bidu tal-ġimgħa, it-temp kien wieħed mill-aktar fatturi li tkellmu dwaru l-mekkaniċi u s-sewwieqa, u tant li l-Ġimgħa filgħodu…

Sports Internazzjonali

L-Arġentina temmew fuq nota pożittiva parteċipazzjoni diżappuntanti fit-Tazza tad-Dinja dan hekk kif huma għelbu lill-Istati Uniti 47-17. Il-Pumas, li t-tamiet ta’ kwalifikazzjoni ġew fix-xejn wara telfiet kontra Franza u l-Ingilterra,…

Aktar