Snooker
MBSA: Għada l-LĠA u l-elezzjoni għall-kariga ta’ President, Ivan Brincat jew Kevin Vella?

Il-Malta Billiards & Snooker Association, minn għada filgħaxija se jkollha tmexxija ġdida hekk kif il-membri huma msejħa biex jivvutaw għall-kariga ta’ President u l-kumplament tal-karigi l-oħra.

Il-kariga ta’ President se tkun ikkontestata minn Ivan Brincat, is-Segretarju Ġenerali attwali u Kevin Vella, membru tal-Eżekuttiv.

Ivan Brincat, minbarra li hu referee tas-snooker kwalifikat, ilu fl-Eżekuttiv tal-MBSA għal dawn l-aħħar 12-il sena fejn għal nofshom serva fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.

Kollox jindika li wara Brincat, hemm l-ikbar ‘heavyweights’ tas-snooker fil-pajjiż, fosthom Frans Bugeja li se jkun qed itemm snin twal ta’ Presidenza fl-Assoċjazzjoni u li pproponih; ir-referee internazzjonali Terry Camilleri, li ssekondah; u diversi ismijiet ta’ plejers kbar fl-isnooker lokali, li fl-aħħar sigħat, xiegħlu l-magni tagħhom u jidher li kkargaw sew il-kampanja.

Il-kumplament tal-persuni li se jikkontestaw xi kariga, u li wisq probabbli huma fuq il-‘biljett’ ta’ Brincat huma Joseph Zerafa, Andre Aquilina, Lothar Mallia, Cameron Farrugia, Maurice Calleja u l-istess referee internazzjonali, Terry Camilleri.

Il-lista tal-kontestanti hi familjari ħafna anki mal-futbol lokali, speċjalment mas-settur tar-referees li m’għadhomx jagħmlu parti mill-MFA u li se jkunu qed jikkontestaw għal xi kariga fi ħdan l-Assoċjazzjoni u li kollox jindika li jinsabu fuq in-naħa ta’ Kevin Vella. Dawn huma Kevin Azzopardi, Alex Arena, Paul Caruana, James Farrugia, Charles Micallef u Andre Arciola.

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali mistennija tibda fis-18.00, fl-Akkademja, fil-Ħamrun u l-elezzjoni mistennija tibda għal ħabta tas-19.00.

Minbarra l-elezzjoni għall-kariga ta’ President, se jsiru wkoll l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Viċi President, Segretarju Ġenerali, Direttur tal-Finanzi, Uffiċjali għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u għall-Membri fl-Eżekuttiv.

Madwar 80 persuna bejn plejers lokali u l-Eżekuttiv tal-MBSA preżenti huma eliġibbli li jivvutaw.

Miktub minn...
TVM Sport