Medel bil-beritta ta’ Juventus … sentejn wara, propju llum jingħaqad ma’ Inter

Iċ-Ċilen Gary Medel wasal Milan għat-testijiet mediċi hekk kif f’dawn is-siegħat mistenni jiffirma ma’ Inter.

Mal-wasla tiegħu f’Milan, Medel esprima s-sodisfazzjon tiegħu li se jibda avventura ġdida mal-klabb ta’ Inter.

“Forza Inter”, kien l-ewwel kumment ta’ Medel qabel daħal għat-testijiet mediċi, hekk kif ammetta li t-Taljan tiegħu għadu xi ftit lura.

Huwa ssieħeb ma’ Inter wara staġun diżappuntanti meta safa relegat ma’ Cardiff City fil-Barclays Premier League.

Il-partitarji ta’ Inter sodisfatti b’dan l-akkwist, forsi sakemm wasal quddiemhom dan ir-ritratt li ma jmurx daqshekk il-bogħod, meta lura fis-sena 2012, l-istess midfielder internazzjonali Ċilen kien libes beritta tal-arċi rivali ta’ Inter, jiġifieri Juventus.

Miktub minn...
Rodney Vassallo