Tennis
Merħba kbira lil Fernandez u Auger-Aliassime mal-wasla lura f’pajjiżhom

It-tennisti Kanadiżi Leylah Fernandez u Felix Auger-Aliassime waslu lura pajjiżhom u ngħataw merħba t’eroj.

Leylah Fernandez ta’ 19-il sena, waslet sal-finali tal-Open tal-Istati Uniti fejn ħarġet telliefa kontra Emma Raducanu ta’ 18-il sena. Wara ħmistax mill-aktar intensivi għal Fernandez, attendiet għall-Met Gala li saret fi New York qabel irritornat pajjiżha.

Wara l-wirjiet impekkabbli tagħha fi Flushing Meadows, Fernandez saħansitra ffirmat ftehim ta’ sponsor ma’ Flair Airlines, linja tal-ajru bbażata f’Montreal. Bil-wasla sal-finali fl-Istati Uniti, Leylah Fernandez telgħet fit-28 post fir-rankings dinjija, meta sa ħmistax ilu kienet tinsab fit-73 post.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret mal-wasla tagħhom fil-Kanada, Auger-Aliassime kien mistoqsi dwar x’legat jixtieq iħalli f’dan l-isport. Viżibilment maħsud bil-mistoqsija, it-tennist Kanadiż qal li din hi l-ewwel darba li ġie mistoqsi dwar legat, u jittama li fi żmien 10 snin ikun jista’ jikkumenta dwar mistoqsija simili. Auger-Aliassime għad għandu 21 sena, u f’din l-edizzjoni tal-Open tal-Istati Uniti rnexxielu jasal sas-semifinali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA